Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola nqabdet tiċċensura u tneħħi kummenti li ma jaqblux mal-pożizzjoni tagħha fuq il-kontenut li titfa’ fuq il-midja soċjali.
ONE News jista’ jiżvela dan wara li, it-Tlieta filgħaxija, bosta persuni għamlu kuntatt ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet fejn sostnew li Metsola u t-tim tagħha ċċensuraw il-kummenti tagħhom b’rabta mal-pożizzjoni li din ħadet b’rabta mal-aħħar żviluppi fl-Ukrajna.
Wara li tħabbar ftehim, li jista’ jwassal għal waqfien mill-ġlied għal perjodu ta’ xahar bejn l-Ukrajna u r-Russja, Metsola mill-ewwel ħarġet fuq il-midja soċjali tikteb li dan il-ftehim hu pass importanti li “lkoll ħdimna għaliha.”
Kien hawnhekk li, dlonk, irreaġixxew bosta persuni taħt l-istess status ta’ Metsola fejn sostnew l-ipokrezija ta’ din id-dikjarazzjoni wara li hi stess imbottat kemm felħet favur aktar armamenti u gwerra, bl-aktar riċenti jkun il-pjan Ewropew ta’ €800 biljun imsejjaħ ‘ReArm Europe’.
Madankollu ħafna minn dawn il-persuni raw il-kummenti kostruttivi tagħhom imneħħija minn Metsola biex ma tidhirx kerha mas-segwaċi.
ONE News fil-fatt jista’ jippubblika numru ta’ kummenti li, jekk illum wieħed imur ifittixhom taħt l-istatus ta’ Metsola, ma jsibhomx iżjed hemmhekk.
Fosthom kien hemm dak ta’ Josef Bonnici, li lil Metsola qalilha “Ara tipprovax tieħu l-mertu int wara li xbajt ittella’ filmati biex il-pajjiżi kollha jixtru l-armi … ma tellajtx filmat wieħed biex tappella għall-paċi, dejjem fuq l-armi tkellimt.”
Fuq l-istess linja ta’ ħsieb kiteb Charlot Desira, li lill-President tal-Parlament Ewropew kitbilha hekk: “Int ma ħdimtx għaliha. Int ħdimt għall-gwerra u f’dawn it-tliet snin lanqas lissintu darba l-kelma ceasefire. Il-mertu hu tal-Amerikani, li qed iġibu lill-Ewropa irrelevanti fil-kontinent tagħna stess.”
Dan il-kumment ukoll spiċċa tneħħa.
Saħansitra s-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Laburista, John Grech, li s-suġġett jolqtu direttament fir-rwol tiegħu, kellu l-kumment tiegħu ċċensurat u mneħħi minn Metsola.
Grech indirizza lil Metsola u qalilha li tliet snin ilha President tal-Parlament Ewropew u ħlief tippoża għar-ritratti u tħambaq fuq ix-xiri ta’ armi m’għamlitx. Qallha “issa tasal titkellem fuq il-paċi?”
Bħal dawn il-kummenti, li ġew iċċensurati, hemm biżibilju oħrajn, li ONE News għandu kopja tagħhom u llum ma jinsabu mkien taħt l-istatus li tefgħet Metsola fuq Facebook.
Madankollu din it-tattika ta’ ċensura minn dik li titkellem ħafna fuq il-libertà tal-espressjoni ftit ħalliet effett hekk kif it-Tlieta filgħaxija u l-Erbgħa filgħodu kienu bosta li kitbu fuq l-ipokrezija tad-dikjarazzjoni ta’ Metsola issa li seħħ dan l-iżvilupp.
Fosthom kien hemm id-Deputat Mexxej Laburista u Kap tad-delegazzjoni fil-Parlament Ewropew, Alex Agius Saliba, l-Ewroparlamentari Laburista Daniel Attard u l-eks Deputat Mexxej Laburista Daniel Micallef.
Sadanittant, b’rabta ma’ dan l-iżvilupp, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela sostna li l-aħħar żvilupp dwar waqfien mill-ġlied bejn l-Ukrajna u r-Russja hu pass kruċjali fit-triq għall-paċi.
Filwaqt li tenna li pajjiżna jibqa’ determinat li l-paċi tinkiseb biss permezz tad-diplomazija madwar il-mejda u mhux pemezz ta’ infiq fl-armi Dr. Abela temm jgħid lin kienet il-pożizzjoni tiegħu f’isem Malta dejjem u kullimkien.