L-espert ewlieni fl-inkjesta tal-isptarijiet, l-Irlandiż Jeremy Harbinson, reġa’ rrifjuta stedina li saritlu mill-Imħallef Edwina Grima biex jixhed f’kawża li qed issir dwar ordnijiet ta’ ffriżar tal-assi bbażata fuq l-istess rapport li approva hu stess.
Dan qalitu l-Imħallef nnifisha fil-bidu tas-seduta l-Erbgħa filgħodu fejn iddikjarat li hi se tibqa’ tinsisti li Harbinson jixhed u, jekk se jibqa’ ma jaċċettax l-istediniet li qed jirċievi mill-Qorti Maltija, se jintużaw l-ittri rogatorji bl-assistenza tal-awtoritajiet ġudizzjarji tal-pajjiż fejn jgħix I-Irlandiż.
L-imħallef Grima qalet li kienet qed tieħu konjizzjoni ta’ nota ppreżentata mill-Avukati tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat u tal-lista ta’ xhieda indikati fl-istess nota li qed jintalbu jixhdu.
L-Avukat Vince Galea, li qed jidher għal Dr Muscat, indika s-sekwenza ta’ kif id-Difiża tixtieq li x-xhieda, effettivament jixhdu.
L-ewwel xhud se tkun il-kontrollur finanzjarju tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti, segwita b’numru ta’ esperti, bl-aħħar tnejn ikunu l-Irlandiż Sam Sittlington u s-Serba Miroslava Milenovic.
L-Avukat Galea żied li d-Difiża, bl-ebda mod, mhi tirrinunzja d-dritt li, wara din ix-xhieda, jintalab jixhed Jeremy Harbinson.
L-Imħallef Grima laqgħet it-talba tal-Avukat Galea u ordnat li jinstemgħu x-xhieda indikati fl-ordni mitluba.
Fis-seduta li jmiss, nhar il-21 ta’ Marzu, se tixhed biss il-kontrollur finanzjarju tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti biex tesebixxi l-fatturi kollha li ntbagħtu mill-esperti lil din l-aġenzija.
L-Imħallef qalet li, jekk saru xi ħlasijiet kumplessivi fejn kienu involuti pagamenti inkonnessjoni ma’ inkjesti oħrajn, il-kontrollur finanzjarju għandha tindika unikament il-pagament li jkun sar b’rabta mal-inkjesta tal-isptarijiet u lil-liema espert sar il-ħlas.
Il-kontrollur finanzjarju qed tintalab tindika wkoll jekk ġiex iffirmat kuntratt mal-esperti u, jekk fl-affermattiv, tesebixxi kopja ta’ dan il-kuntratt. Jekk inhu magħruf għaliha, trid tindika wkoll l-involviment ta’ kull espert f’din l-inkjesta.
L-esperti, imbagħad, se jkun qed jintalbu jagħtu x-xhieda tagħhom f’seduta fit-8 t’April li ġej.