Fl-okkażjoni tal-Ġublew tat-Tama se tiġi esegwita l-kantata ‘It-Triq tas-Salib’, kompożizzjoni oriġinali tas-Surmast Joseph Galea, nhar it-12 t’April li ġej fis-7:30 ta’ filgħaxija fil-Knisja ta’ Sant’Antnin t’Għajnsielem, Għawdex.
Dan se jsir bis-sehem tal-Gozo Regional Orchestra, it-tenur Angelo Muscat, il-baritonu Ken Scicluna, b’kitba ta’ Patri Marcellino Ghirlando, li wkoll se jkun in-narratur, kif ukoll tal-mibki Patri Raymond Camilleri.
Il-kantata hi strutturata b’siltiet mużikali u korali, b’interventi tat-tenur u l-baxx dwar l-14-il stazzjon tal-Via Sacra, b’kull wieħed ikun ikkumplimentat b’riflessjoni.
Fi tmiem il-kantata, is-solisti, il-kor u l-orkestra jingħaqdu fl-interpretazzjoni tas-silta ‘Ġesù Jqum mill-Mewt’.
Il-kunċert, li se jkun taħt id-direzzjoni tal-kompożitur innifsu, Mro Joseph Galea, jiftaħ b’marċ funebri ‘Ġublew tat-Tama’, li l-istess Galea kkompona għall-okkażjoni.
Id-dħul se jkun mingħajr ħlas, iżda tintalab donazzjoni b’risq is-sett ġdid ta’ qniepen għall-Knisja Franġiskana ta’ Sant’Antnin.