Fil-Parlament, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard għamel numru ta’ mistoqsijiet lill-Oppożizzjoni Nazzjonalista b’rabta mal-oġġezzjonijiet tagħha dwar ir-riforma fl-inkjesti maġisterjali.
“L-Oppożizzjoni hi kontra li l-vittmi jew qrabathom jingħataw informazzjoni fuq xiex tkun waslet, fejn tkun waslet l-inkjesta maġisterjali? Insaqsi: L-Oppożizzjoni hi kontra li s-suspettat jingħata d-drittijiet bażiċi kollha li joħorġu minn diversi trattati u liġijiet? L-Oppożizzjoni hi kontra li nindirizzaw l-inġustizzji li qed jirriżultaw minn diversi proċeduri? L-Oppożizzjoni hi kontra li ndaħħlu aktar kontabilità fil-ħatra tal-esperti? L-Oppożizzjoni hi kontra li jkollha timelines ċari sa meta inkjesta għandha tkun konkluża u dan biex nassiguraw ġustizzja li titwettaq fil-ħin u mhux iddum tkarkar is-snin? L-Oppożizzjoni kontra l-ġustizzja li tintuża bħala arma ta’ persekuzzjoni?”
Il-Ministru Jonathan AttardREKLAMSKROLLJA BIEX TKOMPLI
Il-Ministru Attard innota li l-Oppożizzjoni hi kontra għal din ir-riforma, li hi parti mill-programm tal-Gvern.
Intqal kif din is-sistema għal inkjesta maġisterjali privata ma teżisti mkien fl-Ewropa, waqt li tenna li l-Gvern b’din ir-riforma se jsaħħaħ dan id-dritt.
“Din ir-riforma mhu se tnaqqas l-ebda jedd ta’ aċċess għall-ġustizzja u mhu se tneħħi l-ebda dritt leġittimu taċ-ċittadin, anzi għal kontra ta’ dan. Permezz ta’ din ir-riforma se jkun assigurat li ċ-ċittadin għandu rimedju f’kull stadju tal-proċedura.”
Il-Ministru Jonathan Attard
Dan bil-maqlub ta’ dak kollu li ngħad mill-Oppożizzjoni, li ma ddejqitx ixxerred il-miżinformazzjoni dwar ir-riforma.
Il-Ministru Attard qal li din hi l-istess Oppożizzjoni li sejħet lill-Gvern fallut, iżda fakkar li, fil-verità, l-uniku falliment kienu l-attakki sistematiċi u kkordinati mill-eks Deputat u avukat tal-għaqda Repubblika Jason Azzopardi b’numru ta’ inkjesti maġisterjali fi żmien il-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena, li ma ġewx milqugħa mill-Qorti.