Ilbieraħ filgħaxija, fil-Portugall il-Parlament ivvota kontra mozzjoni ta’ fiduċja fil-gvern. Filfatt kienu l-partiti kollha fl-oppożizzjoni li għamlu hekk bl-eċċezzjoni tal-Inizjattiva Liberali. Dan ifisser li waqa’ l-gvern tal-Prim Ministru Luis Montenegro sena u ġurnata mil-elezzjonijiet leġislattivi tal-2024.
Dan kollu huwa riżulat li Montenegro qed jiffaċċja skandlu politiku ċċirkondat madwar l-attivitajiet tan-negozju tal-familja u kunflitt ta’ interess. Akkużi li l-Prim Ministru qed jiċħad.
Matul id-dibattitu l-Prim Ministru Montenegro għamel diversi appelli lill-Partiti Soċjalisti sabiex tinstab soluzzjoni u ma jerġgħux jitfgħu lill-pajjiż f’elezzjoni iżda kien kollu għalxejn. Is-Soċjo Demokratiċi anke għamlu talba sabiex tkun sospiża s-seduta sabiex il-Prim Ministru jitkellem privatament mal-Kap tal-Oppożizzjoni iżda ma riedux.
Fl-aħħar, il-gvern ipprova joħroġ mis-sitwazzjoni hekk kif il-Ministru għall-Affarijiet tal-Parlament ippreżenta proposta biex tinfetaħ inkjesta iżda b’format differenti bil-gvern jippreżenta d-dokumentazzjoni u kjarifiki fejn jikkommetti li jiġu ppreżentati ir-riżultati u l-konklużjonijiet fi żmien 15-il ġurnata. Iżda din xorta ma salvatx lill-Gvern mill-vot u wara siegħa interruzzjoni tressqet il-mozzjoni ta’ fiduċja li vvutaw fuqha wara 5 siegħat ta’ diskussjoni fejn permezz tagħha waqa’ l-Gvern Portugiż.
Dan ifisser li l-Portugal se jkun qed jaffaċċa it-tielet elezzjoni bikrija mill-2022.