It-Tlieta, ingħata bidu għall-Kampjonat Ewropew tal-Juniors tas-Snooker ta’ taħt it-18-il sena. Matul dan il-kampjonat li qed isir f’Antalya, t-Turkija, fost id-90 kompetitur f’din kategorija hemm sitt żgħażagħ Maltin li kollha kienu fl-azzjoni waqt il-fażi tal-gruppi.
L-aħjar riżultat mill-Maltin inkiseb minn Jake Castaldi li minn żewġ l-logħbiet li lagħab rebaħ waħda. Huwa rebaħ kontra l-Skoċċiż, Brandon Langan bl-iskor ta’ 3-1. Kien l-Skoċċiż li rebaħ l-ewwel frame iżda ż-żgħażugħ Malti irkupra sew mill-iżvantaġġ iniżjali u rebaħ tliet frames infila bil-punteġġi tal-frames ikunu; 8-97, 67-43, 41-32, 56-24. Aktar kmieni fil-ġurnata huwa tilef kontra l-Ingliż, Dylan Smith.
Fil-logħbiet l-oħra il-Maltin ġew megħluba f’kull partita. Chaylon Castaldi tilef kontra Tyler McCaffrey-Smith minn Wales u s-Serb, Tadija Matijasevic filwaqt li Caiden Casha tilef mal-Ingliż, Kaylan Patel u l-Pollakk, Jakub Zakrzewski. Gregory Cachia u Xavier Rizzo llum lagħabu logħba waħda biss iżda tilfu kontra Heorhii Petrunko tal-Ukraina u Mikayel Nersisyan mill-Armenja rispettivament.
L-Erbgħa tingħalaq il-fażi tal-gruppi fejn is-seba’ logħbiet li fihom huma nvoluti ż-żgħażagħ Maltin f’din il-kategorija ta’ taħt it-18-il sena huma dawn; Xavier Rizzo vs Riley Powell (Wales), Caiden Casha vs Jack Taylor (Wales), Gregory Cachia vs Sion Stuart (Wales), Xavier Rizzo vs Ömer Can Biltir (Turkija), Jake Castaldi vs Geremia Orsi (Italja), Chaylon Castaldi vs Will Taylor (Irlanda ta’ Fuq) u Gregory Cachia vs Eino Vuoristo (Finlandja).
Iż-żgħażagħ Maltin barra li qed jipparteċipaw f’dan il-kampjonat qed jingħataw opportunita’ li jieħdu sehem f’sessjonijiet ta’ taħriġ individwali mal-coach rinomat Irlandiż, PJ Nolan li ġie Malta diversi drabi u anke’ għamel kors għal coaches Maltin tas-snooker.

Il-plejer malti Caiden Casha waqt coaching session ‘one-to-one’ ma’ PJ Nolan il-Head Coach tal-EBSA