Esebizzjoni kbira ddedikata lil Caravaggio infetħet nhar il-Ġimgħa f’Ruma li tinkludi xogħlijiet minn kollezzjonijiet privati u oħrajn li ilhom ma jirfsu fl-Italja għal sekli sħaħ.
L-esebizzjoni, li qed issir f’Palazzo Barberini, tkopri ħmistax-il sena tal-ħajja professjonali ta’ Michelangelo Merisi aka Caravaggio, mill-wasla tiegħu f’Ruma fl-1595 sal-mewt tiegħu fin-Nofsinhar tat-Toskana fl-1610 meta kellu biss 39 sena.
Fost ix-xogħlijiet esebiti hemm l-’Ecce Homo’ li kienet instabet fi Spanja fl-2021 wara li kienet intilfet fis-seklu dsatax.
Insibu wkoll il-pittura ta’ Monsinjur Maffeo Barberini, li ntweriet lill-pubbliku għall-ewwel darba ftit tax-xhur ilu u biċċiet ikoniċi ta’ Caravaggio bħal pittura tiegħu fi xbieha ta’ Bacchus u ‘The Cardsharps’.
B’kollox hemm esebiti 24 pittura li nġabru minn kollezzjonijiet privati u pubbliċi fl-Italja, l-Istati Uniti, Spanja, l-Irlanda u l-Ingilterra.
L-esebizzjoni se tibqa’ miftuħa sas-6 ta’ Lulju u hija parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġublew li mistenni jattira 32 miljun turist lejn Ruma.
Filfatt Palazzo Barberini diġa biegħ madwar 60,000 biljett tad-dħul ta’ din l-esebizzjoni li qed tkun meqjusa fost l-aqwa avvenimenti ta’ din is-sena fl-Ewropa.