Tmin esperti jew 29% tal-esperti, li ssuġġerixxa l-Irlandiż Jeremy Harbinson lill-Maġistrat Gabriella Vella fl-inkjesta tal-isptarijiet, kienu gradwati friski u trainees. Għaldaqstant ma kinux speċjalizzati f’xogħolhom kif jirrikjedu wkoll standards internazzjonali u l-linji-gwida tal-Kunsill tal-Ewropa.
F’din is-saga infinita dwar dik li qed tiżviluppa bħala farsa sħiħa bi spejjeż tal-fondi pubbliċi, jirriżulta kif ħadd minn dawn it-tmin esperti ma kien kompetenti biżżejjed biex jikkwalifika bħala espert tal-Qorti, mhux l-inqas f’każ kumpless bħal dak tal-isptarijiet.
L-esperti Callum Coulter, Ciaran Martin Neeson, Courteney Rachel Ann Jamison, Philip Matthews, Patrick James Anderson, Barry O’Donnell, James McCullough u Zara Melody, kien kollha gradwati ġodda jew trainees fis-setturi tal-IT, il-computing u fl-accountancy.
Il-linji-gwida tal-Kunsill tal-Ewropa jisħqu, b’mod speċifiku, dwar ir-rwol tal-esperti tal-Qorti u kif dawn għandhom jintagħżlu fuq il-kwalifiċi, l-esperjenza u l-ħiliet tagħhom.
Iżjed minn hekk, itennu li l-esperti, li huma parti minn proċess ġudizzjarju, għandhom jippreżentaw lill-Qorti l-fatti skont l-għarfien speċjalizzat, l-edukazzjoni u l-esperjenza tagħhom, u li tali fatti jistgħu jinkisbu biss mill-ispeċjalisti.
L-espert ewlieni u l-project manager Jeremy Harbinson, fix-xhieda li ta bil-vidjow fil-Qorti nhar it-28 ta’ Ottubru li għadda, qal taħt ġurament li l-esperti ntagħżlu minnu fuq il-bażi tan-netwerk ta’ kuntatti li għandu u, għal dawn ir-rakkomandazzjonijiet, il-Maġistrat Vella qabdet u ħatrithom bħala esperti, għax lilu kienet tafdah.
Issa jirriżulta li 29% ta’ dawn l-esperti tal-Qorti ma kienu xejn ħlief esperti taparsi.
Fl-affidavit tiegħu tal-10 ta’ Frar li għadda, Harbinson ukoll semma li kien irrakkomanda mat-30 espert, ammont differenti minn dak ta’ 28, bih inkluż, li joħroġ mir-rapport tal-inkjesta.
Kif kien diġà rrapportat minn ONE News, Harbinson ukoll ma kienx eżatt dwar l-ammont ta’ esperti li ħadmu kuljum fuq l-inkjesta, meta taħt ġurament qal li kien hemm mal-20, iżda skont l-invoices li ppreżenta hu stess ħareġ li kienu qed jaħdmu madwar sitt esperti kuljum.
Iżjed minn hekk, Harbinson stqarr fix-xhieda tiegħu li ma kienx jaf min ikkontribwixxa xiex għar-rapport finali li ħalef għalih, avolja bħala espert ewlieni suppost kellu jiflih sew.