
Ftit jiem qabel għeluq snin il-mibki Jake Vella, il-memorja tiegħu se tiġi mfakkra b’Open Day speċjali fis-siti ta’ Għar Dalam u Borġ in-Nadur f’Birżebbuġa. Din l-inizjattiva qed issir b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa, bil-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u Heritage Malta.
B’riħet din l-okkażjoni, is-siti preistoriċi se jiftħu bla ħlas għall-pubbliku. Għar Dalam, l-eqdem sit preistoriku ta’ Malta, joffri ħarsa unika lejn il-passat, bil-fdalijiet tal-annimali u l-ewwel preżenza tal-bniedem f’Malta li jmorru lura 7,400 sena. Il-viżitaturi jistgħu jammiraw il-formazzjonijiet naturali u jiskopru l-istorja fi stil ta’ esebizzjoni Vittorjana rari.
Fuq l-istess rotta, Borġ in-Nadur joffri tifkira oħra mill-preistorja, skoperta fis-seklu 20 mill-arkeologa Margaret Murray. Bis-sit tiegħu bejn żewġ widien pittoreski, dan is-sit Neolitiku jgħin biex nifhmu aħjar l-imgħoddi ta’ pajjiżna.
Matul is-Sibt, iż-żewġ siti se jkunu animati b’attivitajiet għall-familja kollha, inkluż attivitajiet għat-tfal u bejgħ ta’ kotba ta’ Heritage Malta. Il-ġurnata se tkun ukoll opportunità biex jinġabru fondi għall-Assoċjazzjoni għall-Annimali Abbandunati, ħalli l-ġid ta’ Jake jkompli jgħix fostna.