Ilbieraħ filgħaxija l-uffiċċju stampa tas-Santa Sede fil-Vatikan ħarġu l-aħħar rapport dwar il-kundizzjoni ta’ saħħet il-Papa Franġisku.
Huma ddikjaraw li l-kundizzjoni klinika baqet waħda stabbli filwaqt li l-progress innutat matul l-aħħar jiem issa ġie wkoll ikkonsolidat mill-fatt li testijiet tad-demm u analiżi li twettqu kkonfermaw dan, apparti li l-Papa kien qed jirrispondi sew għat-terapija farmakoloġika.
Riżultat ta’ dan, it-tobba iddeċiedew li jneħħu r-riservatezza li kienu qed josservaw dwar il-pronjożi, iżda, in vista tal-istampa klinika komplessa u l-infezzjoni severa li ddaħħal biha l-isptar l-Papa, xorta għad baqa’ l-bżonn li jkompli bit-trattament farmakoloġiku fl-isptar Gemelli għal ftit żmien ieħor.
Għal darb’oħra lbieraħ filgħodu l-Papa segwa l-Eżerċizzji Spiritwali li saru fis-Sala Pawlu VI permezz ta’ vidjo link u wara li rċieva l-Ewkaristija mar fil-Kappella tal-appartament privat tiegħu fl-isptar għal ftit mumenti ta’ talb.
Wara nofsinhar huwa reġa’ ingħaqad mal-Eżerċizzji Spiritwali tal-Kurja u għalhekk qatta l-ġurnata jitlob u jistrieħ.