“Ma nemminx li l-armi u l-gwerra huma s-soluzzjoni”. Dan intqal mill-Prim Ministru Robert Abela meta għamel stqarrija ministerjali fil-Parlament dwar is-summit speċjali tal-Kunsill Ewropew nhar il-Ħamis li għadda.
Il-Prim Ministru spjega li dan il-Kunsill kien jittratta l-Ukrajna u d-difiża fil-kontinent Ewropew.
Dwar id-difiża, Dr Abela spjega kif il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, spjegat il-proposta ta’ ‘ReArm Europe’, li fis-snin li ġejjin se tinvesti €800 biljun.
Dr Abela qal li hawnhekk hu għamel mill-inqas erba’ interventi fi Brussell u spjega l-fatti dwar dan il-Kunsill, li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista pprovat titfa’ xi dubji fuqu.
“Id-deċiżjoni ta’ pajjiżna kienet vot favur li pajjiżna jżomm man-newtralità tiegħu, mal-prinċipji dwar il-paċi li ma ninvestux u ma nissellfux biex jinxtraw armi u munizzjon. Dik hi deċiżjoni ċara li qabel morna għall-Kunsill Ewropew, rajna li fuq livell tekniku kienet riflessa fil-paragrafi 10 u 17 tal-konklużjonijiet, imbagħad, minħabba li ma kienx hemm konklużjonijiet dwar l-Ukrajna, minħabba li ma kienx hemm unanimità, il-konklużjonijiet ġew renumered u dik ir-riserva ta’ pajjiżna ġiet imniżżla f’paragrafu numru tmienja.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
Paragrafu numru tmienja jagħmilha ċara li Malta hi eskluża minn dan il-pjan, li għadu qed jiġi diskuss.

“Fix-xhur li ġejjin ħa nkunu qed nuru biċ-ċar li pajjiżna, la se jissellef u la se jinvesti flus biex jixtri armamenti tal-qerda.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
Dwar l-Ukrajna, Dr Abela qal li l-konklużjonijiet hawnhekk għadhom ma ġewx adottati minħabba li, dwar dan, hemm nuqqas ta’ qbil, hekk kif l-Ungerija vvotat kontra.
Il-Prim Ministru qal li Malta għenet lill-Ukrajna, iżda ma tat l-ebda armi jew munizzjon. Tenna li Malta temmen fil-paċi u dan għandu jintlaħaq permezz tad-diplomazija u d-djalogu.
“Li aħna nibqgħu ggwidati mis-sewwa u dak li hu ħażin se nibqgħu nikkundannawh u nibqgħu ngħidulu ħażin, bl-akbar aqwa u mingħajr ebda riservi. Żġur li mhu se nħallu lil ħadd ixekkel jew ifixkel il-prinċipji li aħna nemmnu fihom, mhux se nabdikaw mir-responsabbiltà li għandna lejn il-komunità internazzjonali u se nibqgħu sodi fil-ħidma għall-paċi u d-djalogu.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
Intqal li preżenti għal dan is-summit kien hemm il-President Ukren, Volodymr Zelenskyy, li tenna li, bħalissa, fl-Ukrajna qed jitilfu ħajjithom 40 persuna kuljum.