Fil-protesta, li saret mill-Partit Nazzjonalista l-Ħadd, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech irrikorra għar-retorika passata Nazzjonalista, li kienet tintuża mill-predeċessur tiegħu Simon Busuttil, billi semma li qed joħloq xi “forza nazzjonali”.
“Qegħdin noħolqu forza nazzjonali.”
Bernard Grech, Kap NazzjonalistaREKLAMSKROLLJA BIEX TKOMPLI
Grech ħa lura lill-Partit Nazzjonalista għas-sena 2017.
Dan meta dak iż-żmien kien immexxi minn Simon Busuttil, li llum qed jerġa’ jiddetta minn wara l-kwinti bħala parti mill-fergħa estremista fil-Partit.
U d-diskors ta’ Bernard Grech fakkar fl-elezzjoni ta’ tmin snin ilu, fejn Busuttil kien għamel koalizzjoni mal-Partit Demokratiku ta’ Marlene Farrugia. B’dik il-koalizzjoni msejħa wkoll bħala “forza nazzjonali”.
Analisti politiċi dak iż-żmien kienu sejħu din il-koalizzjoni bħala waħda diżastruża, tant li ġiet imlaqqma bħala “koalizzjoni tal-konfużjoni”.
Il-Partit Nazzjonalista, iżda, kien dabbar l-akbar telfa elettorali fl-istorja sa dak iż-żmien.
Sorsi viċin id-Dar Ċentrali qalu lil ONE News li t-tmexxija Nazzjonalista hi diżappuntata bl-attendenza fil-protesta tal-Ħadd, partikolarment għax, ftit tal-ġimgħat qabel, protesta tal-għaqda Repubblika, li għaliha m’attendiex Bernard Grech, kellha attendenza akbar fil-Belt stess.
F’tentattiv iddisprat biex jattira n-nies, fl-aħħar jiem, il-Kap Nazzjonalista nnifsu mar fuq ir-radju tal-partit tiegħu biex jgħid lin-nies ħalli ma joqogħdux iġibu l-iskużi biex ma jattendux għall-protesta.
“Tiġix tgħidli għax ma tistax, għax għandi xi ħaġ’oħra, irranġa u ejja siegħa, siegħa u nofs magħna.”
Bernard Grech, Kap Nazzjonalista
Minkejja dan l-appell ta’ Grech, ONE News hu informat li lanqas id-deputati kollha Nazzjonalisti ma kienu preżenti l-Ħadd.
Fl-istess protesta għamel diskors Stanley Portelli, eks membru tal-fergħa MŻPN, li kienet ħarġet kontra t-tmexxija ta’ Adrian Delia fis-sajf tal-2020, biex spiċċa tqaċċat minn Kap u floku tpoġġa Bernard Grech.
Tkellem ukoll is-Segretarju Ġenerali caretaker Michael Piccinino, f’dak li jista’ jkun l-aħħar diskors tiegħu fil-kariga. Dan hekk kif fi ftit tal-jiem oħra, mistenni jinħatar floku s-Segretarju Privat ta’ Lawrence Gonzi, Charles Bonello.
Tali diskors minn Piccinino fil-protesta wkoll urta mhux ftit lid-Deputat Mark Anthony Sammut. Dan minħabba li Piccinino diġà hu kandidat konfermat Nazzjonalista fuq ir-Raba’ Distrett, li joħroġ fuqu wkoll Sammut.