Il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli ħabbret it-tnedija ta’ riforma fil-permessi ambjentali mitluba mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA u li se tirregola kif għandu jaħdem ċertu operat.
Il-liġi l-ġdida hi mibnija fuq tliet prinċipji, fosthom l-għan li tirregola u tesiġi standards għoljin minn numru ta’ operati u attivitajiet li jista’ jkollhom impatt fuq l-ambjent u f’xi każi ma kinux regolati kif xieraq. Hemm ukoll xi operati li se jkunu regolati għall-ewwel darba.
It-tieni prinċipju hu li, f’ċerti każi, tintroduċi parteċipazzjoni taċ-ċittadini u tagħtihom id-dritt li jieħdu sehem fil-proċess. Ir-regolamenti l-ġodda jagħtu wkoll aċċess aħjar għall-ġustizzja dwar l-istess deċiżjonijiet.
Filwaqt li t-tielet għan hu li toħloq sitwazzjoni aktar ġusta bejn id-diversi operaturi, fejn min jinvesti biex jilħaq standards ambjentali ogħla ma jkunx żvantaġġjat fil-konfront ta’ kompetituri li jagħtu inqas kas tal-ambjent.
Ir-regolamenti l-ġodda iwasslu biex għadd ta’ deċiżjonijiet se jittieħdu pubblikament hekk kif mitlub mil-liġi u d-deċiżjonijiet iridu jiġu ppubblikati fuq is-sit elettroniku tal-awtorità.
F’din ir-riforma hemm tliet livelli ta’ permessi u kull livell hu marbut mat-tip u l-iskala tal-operat u l-impatt jew riskju ambjentali li jista’ jkollhom. Dawn hu anke rifless f’dawk li huma ħlasijiet dovuti għall-applikazzjonijiet, iż-żmien meħtieġ għall-ipproċessar u t-tip ta’ proċedura li għandha tiġi segwita.
L-avviż legali anke għandu miegħu żewġ skedi, bl-ewwel waħda dwar l-operati, l-interventi u l-attivitajiet se jkollhom bżonn permess ambjentali minnufih, fosthom ħażna ta’ skart perikoluż u operati ta’ barriera.
It-tieni skeda naraw li hemm numru ta’ operati li għadhom mhumiex regolati b’permess ambjentali.
F’dan il-każ min diġà għandu l-operat għaddej irid iġib awtorizzazzjoni transitorja fi żmien sitt xhur biex, imbagħad, għandu erba’ snin biex jadegwa ruħu b’mod aktar permanenti u jikseb permezz ambjentali normali.
Eżempji fit-tieni skeda huma barrieri, biċċeriji, tarznari, operati fil-qasam tal-farmaċewtika u reklamazzjoni tal-art.
L-ERA qed tintrabat b’terminu li fih tiddetermina l-applikazzjonijiet li jidħlu għandha, fejn f’livell wieħed trid tagħti r-risposta sa 90 jum, livell 2 sa 120 jum u livell 3 sa 270 jum.
“Industriji li diġà eżistenti u oħrajn ġodda jridu jaraw li jilħqu standards ambjentali fi proċedura li ħa tkun magħrufa ma’ kulħadd u se tkun immexxija mill-ERA bi kriterji li jridu jintlaħqu. L-ERA qed torbot lilha nnifisha bit-terminu taż-żmien li trid toħroġ ċerti permessi ambjentali.”
Il-Ministru Miriam Dalli
Il-konsultazzjoni bis-sehem tal-pubbliku se titwessa’ biex tkopri wkoll bosta mill-operati u attivitajiet indikati fl-iskedi.
It-terminu se jkun determinat skont l-applikazzjoni: għaxart ijiem fil-każ tal-ewwel livell, 20 jum għat-tieni livell u 30 ġurnata għat-tielet livell.