L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar każ ta’ ħruq ta’ vetturi f’Wied il-Għajn wasslu għall-arrest ta’ raġel ta’ 35 sena, li allegatament għandu x’jaqsam mal-inċident.
Il-każ seħħ fil-5 ta’ Marzu għall-ħabta tat-3:15 ta’ filgħodu, meta l-Pulizija, flimkien mal-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, ġew imsejħa biex jintervjenu fi Triq il-Gardiel. Meta waslu fuq il-post, sabu żewġ vetturi pparkjati maħkumin minn nirien. Ladarba n-nirien ġew ikkontrollati, bdew minnufih l-investigazzjonijiet tal-Pulizija, waqt li ġie infurmat il-Maġistrat Dr Ian Farrugia LL.D, li ħatar inkjesta dwar il-każ.
Wara investigazzjonijiet intensivi, il-Pulizija rnexxielhom jidentifikaw lill-persuna suspettata li ħaraq il-vetturi. Ir-raġel inqabad f’Birkirkara u ġie arrestat. Huwa mistenni jitressaq il-Qorti llum, fis-2:30 ta’ waranofsinhar, quddiem il-Maġistrat Dr Charmaine Galea LL.D.