Tliet talbiet ta’ inkjesti maġisterjali minn Jason Azzopardi fosthom fuq il-Ministru Clint Camilleri u martu ġew miċħuda kollha.
Fi tliet deċiżjonijiet li ħarġet il-Maġistrat Dr Brigitte Sultana qalet li ma tressqitx evidenza minn Jason Azzopardi li fi żmien il-Milied beda jitlob l-inkjesti biex jixħet Ministri Laburisti l-ħabs.
It-tliet talbiet għal inkjesti fuq il-Ministru Camilleri kienu fuq allegat racket ta’ irmiġġi fil-Port tal-Imġarr, ix-xogħlijiet fil-pixxina ta’ Għawdex u xogħlijiet infrastrutturali fi triq in-Nadur.
Dwar dawn l-allegazzjonijiet, il-Qorti sabet li ma kienx hemm bażi biex tinfetaħ inkjesta u sostniet b’mod ċar li l-Avukat tal-għaqda Repubblika Jason Azzopardi naqas milli jindika anke traċċi jew ħjiel ta’ suppost evidenza biex jipprova l-akkużi li issa ġew dikjarati mill-Qorti li huma bla bażi.
Il-Qorti qalet li dak li tefa’ quddiemha Jason Azzopardi fosthom ir-referenza għal mobile phones, servers u devices hija xi ħaġa ġenerika li bir-rispett titfa’ dubju fuq l-attendibilità tal-informazzjoni mogħtija minn Azzopardi.
Jason Azzopardi talab għal ftuħ ta’ bosta inkjesti oħra fosthom fuq il-Ministru Silvio Schembri u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet Robert Vella.
Dawn ukoll ġew miċħuda mill-Qorti.
Dan ftit wara li kien ammetta li gideb fuq is-Segretarju tal-Kabinett Ryan Spagnol li implikah fuq allegat irregolaritajiet ta’ Identità.
Jason Azzopardi kien iddikjara wkoll li biex tinfetaħ inkjesta mhux dejjem għandu garanzija b’ammissjoni ċara li huwa jitfa’ t-tajn bit-tama li xi ħaġa jeħel.