Għal darb’oħra, il-Gvern, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, qed jiffinanzja proġett ta’ riċerka, din id-darba biex jgħin pazjenti li għandhom nuqqas ta’ mobbilità, fosthom dawk bl-ALS.
Fil-fatt dan proprju tħabbar f’Dar Bjorn f’Ħaż-Żebbuġ mis-Segretarju Parlamentari responsabbli Keith Azzopardi Tanti, anke fil-preżenza ta’ riċerkaturi tal-proġett mill-Università ta’ Malta.
ONE News ħa l-kumment tal-Inġinier il-Professur Kenneth Camilleri mill-Fakultà tal-Inġinerija u miċ-Ċentru taċ-Ċibernetika Biomedika, li magħna spjega x’jinvolvi dan il-proġett kruċjali ferm.
“Qegħdin nibnu sistema biex inkunu nistgħu nagħtu l-possibilità lill-persuna li għandha diffikultajiet ta’ mobbiltà biex tikkontrolla l-apparat f’ambjent ta’ madwarha, bħal bibien, purtieri, televixins, mingħajr m’għandha l-bżonn tal-ebda screen jew remote control f’idejha, sempliċiment kemm tħares lejn l-oġġett. Jekk għandek bieb, xi ħadd ċempel u trid tiftaħlu kemm tħares lejh, tagħmel sinjal b’għajnejk u l-bieb jinfetaħ.”
Kenneth Camilleri, Inġinier u Akkademiku
Ir-riċerkaturi se jinstallaw din is-sistema l-ewwel f’Dar Bjorn biex ir-residenti, li l-aktar li għandhom bżonn din is-sistema, juruhom id-difetti tagħha u kif din tista’ tiġi aħjar u robusta biex eventwalment tintuża minn kulħadd.

Mart Bjorn Formosa, Maria, ukoll tkellmet dwar kif din is-sistema se tagħti indipendenza u komunikazzjoni aħjar lill-pazjenti bl-ALS.
“Proġetti bħal dawn jagħtuhom ħafna awtonomija, jiġifieri l-pazjenti tagħna, li ħafna drabi jintilfilhom l-użu ta’ idejhom, ikunu jistgħu jmexxu apparat li għalina huwa sempliċi, li għalina huma affarijiet ta’ kuljum b’għajnejhom, fejn jixgħelu d-dawl, jixegħlu t-TV, iċaqilqu purtiera.”
Maria Formosa, Mart Bjorn Formosa
Is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti tenna kif, permezz ta’ dan, il-Gvern qed juri li l-għan tiegħu hu li jkompli jtejjeb kemm jista’ l-kwalità tal-ħajja tan-nies.
“Qegħdin nagħtu r-riżorsi lir-riċerkaturi tagħna biex iħejju u jwettqu proġetti biex, fl-aħħar mill-aħħar, intejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.”
Keith Azzopardi Tanti, Segretarju Parlamentari