L-Irlandiż Jeremy Harbinson ingħata ħames xhur u nofs ċans biex jixtarr l-isfida tal-inkjesta tal-isptarijiet u jipprepara ruħu fir-rwol bħala project manager għal dak li kien hemm bżonn isir.
Żmien li għalih tħallas ukoll is-somma ta’ iżjed minn €9,000, iżda xorta waħda jirriżulta li ma użahx tajjeb biex ikun hemm investigazzjoni kif jixraq, li tkun indipendenti u imparzjali.
F’dan il-perjodu qabel beda jissuġġerixxi l-esperti li għandhom jinħatru, Harbinson, li ftaħar li hu persuna professjonali b’40 sena esperjenza mhux mittiefsa, suppost fehem mill-ewwel ir-rwol kbir u ċentrali li kellha d-ditta tal-accountants u l-awdituri Price Waterhouse Coopers fil-konċessjoni tal-isptarijiet.
Suppost fehem li, fil-proċess tal-investigazzjonijiet, hu u sħabu kien se jkollhom jagħrblu u jieħdu pożizzjoni dwar ir-rwol tal-istess ditta.
Iżda, minkejja l-esperjenza li qal li għandu, Harbinson mhux biss kellu konflitt ta’ interess hu personali ladarba kien eks impjegat mal-istess Price Waterhouse Coopers, iżda wkoll ingaġġa esperti oħrajn li bħalu kienu eks ħaddiema tal-kumpanija.
Dan anke jekk suppost kien jaf li kellu jirrakkomanda persuni, li jkunu assolutament indipendenti, imparzjali u ta’ integrità bħala esperti tal-Qorti. Kif, fuq kollox, jitolbu standards internazzjonali u l-linji-gwida f’dan ir-rigward tal-Kunsill tal-Ewropa.
Minkejja dan, sal-lum il-ġurnata, jirriżulta li l-profil ta’ Harbinson innifsu fuq il-pjattaforma Linkedin għadu juri l-logo tal-istess Price Waterhouse Coopers fejn jiddikara li qatta’ kważi 19-il sena jaħdem hemm, inkluż fil-kapaċità ta’ partner.
Fid-darba li xehed fil-Qorti f’Ottubru li għadda, l-espert ewlieni pprova jmewwet dan il-konflitt ta’ interess billi qal li ngħaqad mal-kumpanija qabel saret Price Waterhouse Coopers. Qal ukoll li ma jiftakarx ir-rwol tagħha fil-konċessjoni tal-isptarijiet.
Mil-lista ta’ esperti li għaddew f’idejn il-Maġistrat Gabriella Vella, jirriżulta li Harbinson ma kienx l-uniku wieħed b’passat ma’ Price Waterhouse Coopers.
Fuq suġġeriment tiegħu wkoll, inħatru ċertu Ron McCormick, li għamel 33 sena mal-kumpanija u spiċċa fl-istess xahar li tqabbad fl-inkjesta, u Vincent Bradley, li, min-naħa tiegħu, għamel tliet snin mal-kumpanija. U allura dawn ukoll kellhom konflitt ċar.
Jirriżulta lil ONE News li l-kontribut ta’ Harbinson, McCormick u Bradley ma kienx ftit u xogħolhom bilfors kien influwenti. Fil-fatt, skont l-irċevuti li ġew ippreżentati, dawn ħadmu mal-20% tas-sigħat kollha involuti fl-inkjesta u ta’ dan il-Qorti ħallsithom iżjed minn €2 miljun.
Minkejja dan, ħadd ma nnota tali konflitti la qabel u wisq inqas wara, kif ma kienx relevanti lanqas għall-espert ewlieni u project manager Jeremy Harbinson, li issa ma jridx jirrispondi għal għemilu, anke jekk ħalef li hu persuna professjonali.