Ġiet imnedija l-inizjattiva ‘Żomm Tarmix’ mill-Aġenzija Maltija tal-Ikel, li l-għan ewlieni tagħha hu li jitnaqqas il-ħela tal-ikel.
Din tnediet waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Prim Ministru Robert Abela.
Hu fisser din l-inizjattiva li hi favur il-ġustizzja soċjali biex jiġu mgħejjuna persuni jgħixu tajjeb u f’saħħithom, flimkien mal-prinċipju tas-sostenibbiltà billi jkun assigurat l-aqwa użu tar-riżorsi tagħna b’enfasi favur l-ambjent.
L-inizjattiva mħabbra se tkun fuq qafas diġitali tarmix.gov.mt fejn l-Aġenzija Maltija tal-Ikel se ġġib flimkien negozji li jagħtu donazzjoni tal-ikel li jkun qrib skadenza u dan jingħata lill-għaqdiet volontarji. B’dan il-qafas se titjieb l-effiċjenza, tiżdied it-trasparenza u tonqos il-ħela tal-ikel.
Il-benefatturi, li huma n-negozji, se jkunu jistgħu jikkwalifikaw għal inċentivi fit-tnaqqis fit-taxxa.
Il-pjattaforma diġitali se tipprovdi mekkaniżmu trasparenti u effiċjenti, anke permezz tal-intelliġenza artifiċjali, biex id-distribuzzjoni tal-ikel isseħħ b’mod effettiv u biex jiġi żgurat li l-għajnuna tasal għand dawk li verament għandhom bżonnha.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li, minbarra l-għan ewlieni ta’ din l-inizjattiva kontra l-ħela tal-ikel, hemm miri oħrajn, fosthom li jintlaħqu aktar nies bit-tqassim tal-ikel minn għaqdiet volontarji u anke bil-bejgħ ta’ prodotti tal-ikel bi prezz mraħħas.
“U llum qed immorru għall-pass li jmiss, li qed nitħaddtu dwar il-kwistjoni li niżġuraw l-affordabilità tal-ikel u għalhekk dan hu patt soċjali, li jgħaqqad ma’ dak li konna għamilna bl-iskema ‘Stabbiltà’, li kienet f’kuntest li riedna niġġieldu l-inflazzjoni fuq il-prodotti tal-ikel. Illum qegħdin nitkellmu dwar tema aktar wiesgħa ta’ affordabilità ta’ ikel, li niżġuraw li ikel ta’ kwalità ma jintremiex. Anke biex inkunu leali lejn il-prinċipju tagħna tal-ġustizzja soċjali.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Agrikoltura Anton Refalo saħaq li l-Gvern qed jieħu azzjoni konkreta u fl-istess ħin jsaħħaħ il-ġustizzja soċjali, kif ġie mwiegħed fil-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Maltija tal-Ikel, Brian Vella, qal li din l-inizjattiva se ġġib bidla fil-mentalità, bl-ikel bħala riżorsa u li tgħaqqad il-komunità aktar flimkien.
Waqt it-tnedija ta’ din l-inizjattiva ġie ffirmat ftehim dwar din l-iskema bejn l-Aġenzija Maltija tal-Ikel, imsieħba soċjali u għaqdiet volontarji.