Mark Carney, l-ex Gvernatur tal-Bank of England, se jkun qed jieħu post Justin Trudeau bħala l-Prim Ministru l-ġdid tal-Kanada hekk kif il-Partit Liberali,li qiegħed fil-Gvern, il-Ħadd eleġġieh bħala l-Kap il-ġdid flok Trudeau.
Trudeau kien irriżenja minn Prim Ministru fis-6 ta’ Jannar wara li tilef il-popolarità fil-Kanada kawża tal-eskalazzjoni ta’ problemi domestiċi fil-pajjiż. Huwa kien wiegħed li jibqa’ fil-poter sakemm il-partit tiegħu jkollu kap ġdid minn floku.
Il-mexxej Kanadiż kien tpoġġa taħt pressjoni mill-Partit tiegħu stess hekk kif tilfu l-fiduċja fih. Fix-xhur ta’ qabel ir-riżenja tiegħu, sondaġġi kienu qed juru li r-rivali prinċipali tiegħu mill-Partit Konservattiv Pierre Poilievre kien qed jaqbżu fil-popolarità b’ammont sinifikanti.
Mark Carney kien elett bħala l-Kap tal-Partit Liberali b’vot tajjeb ħafna hekk kif assigura 86% tal-appoġġ.
Fl-ewwel diskors tiegħu bħala mexxej huwa kien pront jieħu pożizzjoni kontra t-theddid impost fuq pajjiżu mill-President Amerikan Donald Trump.