L-aġenzija internazzjonali Fitch Ratings ikkonfermat għal darba oħra r-rating ta’ pajjiżna bħala A+ b’outlook stabbli. Dan minkejja l-inċertezza globali dejjem tiżdied, u li qed twassal biex din l-aġenzija tkun aktar kawta fuq il-prospetti ta’ pajjiżi Ewropej.
Fil-fatt f’Ottubru li għadda l-esperti ta’ Fitch naqqsu l-outlook tar-rating ta’ Franza minn stabbli għal negattiv, l-aktar minħabba l-qagħda mwiegħra tal-finanzi pubbliċi imma wkoll frott l-instabbilità politika fil-pajjiż.
Fil-bidu ta’ Jannar, imbagħad, Fitch Ratings rrevedew l-isfel l-outlook tal-Awstrija u għamluh negattiv, minħabba inċertezza politika, qagħda fiskali ħażina u ekonomija li qed tistaġna. L-istess outlook negattiv ingħata lill-Belġju fi Frar, għal raġunijiet simili, u hekk ukoll seħħ lill-Finlandja ftit jiem wara.
B’kuntrast fir-rigward ta’ pajjiżna l-esperti ta’ Fitch Ratings mhux talli kkonfermaw ir-rating imma talli sostnew li l-prospetti għal pajjiżna huma tajba, u jispiraw stabbilità. Fil-fatt huma qalu li “Malta has one of the strongest growth performances among Fitch rated sovereigns”.
Dan hekk kif innutaw li l-ekonomija ta’ pajjiżna mill-2015’l hawn kibret b’rata li hija sitt darbiet aktar minn dik taż-żona ewro, u issa l-ġid nazzjonali ras għal ras ta’ pajjiżna qabeż il-medja Ewropea. Imma anke meta wieħed iħares lill’hinn mill-Ewropa, pajjiżna kiber b’rata kważi darbtejn il-medja tal-pajjiżi bl-aqwa rating mogħti minn Fitch. Anke fejn tidħol ir-rata ta’ qgħad dik ta’ pajjiżna hija kważi nofs dik tal-bqija tal-pajjiżi bl-istess rating tagħna.
Meta jħarsu ‘l quddiem, l-esperti internazzjonali jaraw prospetti tajbin ħafna. Dan hekk kif jinnutaw li l-kapaċità produttiva ta’ pajjiżna mistennija tkun madwar 5%.
Għaldaqstant l-aġenzija Fitch Ratings issostni li l-Gvern Malti jista’ jkompli jnaqqas id-defiċit mingħajr ma jieħu miżuri ta’ awsterità, ħaġa li ħafna gvernijiet madwar l-Ewropa ma jistgħux jagħmlu.
L-esperti ta’ din l-aġenzija jemmnu li sena oħra d-defiċit f’pajjiżna jkun naqas għal 3%, rata ferm aktar mgħaġġla milli oriġinarjament maħsub. Dan seħħ għaliex it-tkabbir ekonomiku qed iwassal għal żidiet kbar fid-dħul tal-Gvern. Ekonomija akbar tfisser ukoll li l-piż tad-dejn nazzjonali ser ikompli jonqos.
Fir-rapport tagħhom l-esperti barranin jinnutaw kif l-ICT, it-turiżmu u s-servizzi finanzjarji qed jipprovdu momentum lill-ekonomija ta’ pajjiżna. Dan filwaqt li jinnutaw li l-esportazzjoni tant qed tikber li pajjiżna għandu wieħed mill-akbar surpluses fid-dinja fejn jidħol kummerċ internazzjonali. Dan filwaqt li l-banek tagħna huma mimlija likwidità u huma stabbli ħafna.
Fl-aħħarnett Fitch Ratings jinnutaw li fejn tidħol governanza pajjiżna jibqa’ fuq ta’ quddiem skont il-kejl tal-Bank Mondjali.
Dan hekk kif pajjiżna għandu “long track record of stable and peaceful political transitions, well established rights for participation in the political process, strong institutional capacity, effective rule of law and a relatively low level of corruption.”
Sadanittant, dan iċ-ċertifikat pożittiv anke nnutah il-Prim Ministru Robert Abela permezz ta’ kitba fuq il-pjattaforma “X”, fejn saħaq fejn saħaq li fi sfond ta’ inċertezza globali, Fitch qed tgħid li pajjiżna għandu wieħed mill-aktar tkabbir b’saħħtu. Huwa tenna li l-mira tal-Gvern se tibqa’ l-istabbilità u l-prosperità.
Ħaġa li anke tkellem fuqha waqt intervista fuq Sibt il-Punt.
“Ekonomija b’saħħitha bħal dik li għadha kemm ġiet ċċertifikata minn Fitch Ratings, tfisser li nistgħu mmorru għall-baġit li ġej, nerġgħu nsaħħu l-pensjonijiet, iċ-childrens’ allowance, insaħħu l-benefiċċji soċjali, inżommu t-taxxi baxxi – dak huwa li tista’ tagħmel b’ekonomija b’saħħitha, ġifieri ekonomija li hija reżiljenti u trendi tfisser differenza pożittiva fil-kwalità tal-ħajja ta’ kull persuna li tgħid f’dawn il-gżejjer.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela