Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-Kabinett tal-Ministri se jiddiskuti l-possibbiltà tal-għoti ta’ maħra Presidenzjali lil tliet studenti u lettur, li tressqu l-Qorti akkużati b’ethical hacking tal-app FreeHour fl-2022.
Dr Abela ħabbar dan f’kummenti li ta lill-midja fi tmiem is-summit speċjali tal-mexxejja tal-pajjiżi Ewropej fi Brussell.
“Hemm tliet żgħażagħ, hemm lettur, li għaddejjin bi proċeduri kriminali, inħoss jien inġustament ukoll u għalhekk ukoll nemmen li dan huwa wieħed mill-ftit każi li jista’ jibbenefika mill-prerogattiva li għandu l-Kabinett biex ikun jista’ jtemm dawn il-proċeduri kriminali. U għalhekk din id-diskussjoni li biħsiebni ntella’ quddiem il-Kabinett tal-Ministri, għal diskussjoni u l-eventwali deċiżjoni biex bis-saħħa tal-prerogattiva li l-Kabinett dejjem juża bl-aktar mod għaqli, dik il-prerogattiva nużawha aħna f’ċirkostanzi bħal dawn. Inkunu nistgħu nagħmlu dik il-konsiderazzjoni u naslu għal eventwali deċiżjoni biex inkunu nistgħu ntemmu dawn il-proċeduri kriminali mill-aktar fis.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru sostna li dan il-każ għandu jiġi indirizzat mhux biss mil-lat legali, iżda wkoll minn perspettiva taż-żminijiet. Hu enfassiza li l-istat għandu jieħu responsabbiltà meta jonqos milli jaġġorna l-liġijiet skont ir-realtajiet teknoloġiċi tal-lum.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, Michael Debono, Giogio Grigolo, Luke Bjorn Scerri u l-lettur Mark Joseph Vella tressqu fil-Qorti akkużati b’rabta ma’ aċċess mingħajr permess fl-app FreeHour.
Huma wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom u l-każ ikompli.