Se jkunu qed jiżdiedu madwar 1,200 charging point ġodda għal vetturi elettriċi f’pajjiżna fil-ġimgħat li ġejjin biex jingħaqdu mal-408 li diġà jeżistu mxerrdin mal-pajjiż kollu.
Ħabbret dan fil-Parlament, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, Miriam Dalli, waqt li kienet qed twieġeb għal mistoqsijiet tad-Deputat Ryan Callus fl-aħħar jiem.
Waqt li ntalbet l-informazzjoni speċifika dwar il-lokalitajiet ta’ Ħal Qormi, Ħal Luqa u s-Siġġiewi, il-Ministru tenniet li dawn se jaraw żieda waħedhom ta’ 82 charging point.
Mit-38 charging point ġodda f’toroq f’Ħal Qormi, il-Ministru qalet li diġà hemm il-permessi neċessarji għal 12 minnhom, bix-xogħol fuqhom mistenni jibda dalwaqt.
Għal-lokalitajiet tas-Siġġiewi u Ħal Luqa, qalet li għandhom jitwaħħlu 22 charging point kull waħda, bil-maġġoranza tal-permessi meħtieġa diġà ngħataw ukoll.