Illum il-Junior College se jorganizza open day bil-għan li jilqa’ fi ħdanu studenti prospettivi li jinsabu f’fażi importanti ta’ deċiżjoni dwar liema skola f’livell Post-Sekondarju se jkomplu l-mixja edukattiva tagħhom.
F’din l-attività, li tibda għall-ħabta tal-5:30 p.m., wieħed jista’ jżur id-dipartimenti kollha, filwaqt li jkun hemm opportunità tajba biex l-istudenti jiksbu aktar informazzjoni sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni infurmata.
F’kull dipartiment u għal kull suġġett li joffri l-Kulleġġ, se jkun hemm kemm għalliema kif ukoll studenti, li t-tnejn jistgħu joffru informazzjoni kemm mill-perspettiva tal-istudenti kif ukoll f’termini tas-sillabu.
Preżenti se jkun hemm ukoll membri mill-Student Advisory tal-JC, sabiex kull min jattendi jkun jista’ jikkjarifika kwalunkwe mistoqsijiet jew dubji li jista’ jkollu.
Dawk li jattendu jistgħu jduru mal-Kulleġġ, inkluż il-laboratorji tal-kimika, il-bijoloġija u l-fiżika, kif ukoll iżuru numru ta’ faċilitajiet offruti lill-istudenti, fosthom grounds tal-futbol u postijiet għar-rilassament.
Naturalment, ma jonqsux numru ta’ bankarelli, fosthom dawk tan-negozji żgħar imwaqqfa minn studenti stess bħala parti mill-programm JA Mini-Company Programm, mgħejuna minn professjonisti fi ħdan l-istess JA.
Aktar informazzjoni dwar l-open day tista’ tinkiseb fuq il-paġna soċjali tal-Junior College.