Il-ferrovija ta’ veloċità Eurostar u anke dawk lokali fl-istazzjon ċentrali ta’ Pariġi Gare du Nord jinsabu wieqfa wara s-sejba ta’ bomba mhux sploduta tat-Tieni Gwerra Dinjija.
Fi stqarrija maħruġa mill-operatur nazzjonali Franċiż SNCF, ingħad li t-traffiku kien sa jieqaf f’Gare du Nord sa nofsinhar fuq talba tal-pulizija u għalhekk ħeġġew lill-vjaġġaturi sabiex jipposponu l-vjaġġi tagħhom.
Fuq is-sit tagħha, Eurostar qalet li “minħabba oġġett fuq il-binarji ħdejn Gare du Nord f’Pariġi, kienu qed jistennew waqfien fis-servizzi ta’ dalgħodu. Jekk jogħġobkom biddlu l-vjaġġ tagħkom għal ġurnata oħra”.
Erba’ ferroviji minn Londra għal Gare du Nord kienu kanċellati flimkien mas-sitt ferroviji li kellhom jitilqu minn Pariġi għal Londra.
Il-midja Franċiża rrappurtat li matul ix-xogħlijiet ta’ bil-lejl f’sit qrib Saint-Denis, li hu subborg ta’ Pariġi, kienet instabet bomba f’nofs il-binarji.