Hemm bżonn politika b’ġustizzja biex tinkiseb il-paċi għar-reġjun tal-Lvant Nofsani. Sostna dan Omar Rababah ħaddiem soċjali u attivist waqt il-programm ‘Bla Fruntieri’, li se jixxandar nhar il-Ħadd li ġej fl-10:00 am fuq ONE.
Il-programm se jiddiskuti s-sitwazzjoni preżenti fil-Lvant Nofsani, partikolarment dik bejn Iżrael u l-Palestina u l-politika Amerikana fost l-oħrajn.
Id-djalogu, jgħid Rababah, hu essenzjali biex verament isseħħ ġustizzja fir-reġjun fl-isfond ta’ diskussjoni li fakkret ukoll kif ma jistax ikun hemm stabbilità fl-Ewropa mingħajr paċi fil-Mediterran, kif kien sostna l-eks Prim Ministru Dom Mintoff fil-Konferenza ta’ Ħelsinki fl-1975.
It-tieni parti tal-programm tiddiskuti l-impenn u l-professjonalità tal-Ambaxxatriċi Natasha Meli Daudey u d-Direttur tal-Protokoll Kersten Spiteri li ġew ippremjati bħala l-Ambaxxatur tas-Sena u d-Diplomatiku tas-Sena rispettivament.