Bħala avukat privat, Adrian Delia qed jibqa’ jirrikorri għal manuvri legali favur kumpanija barranija li tilfet għal darba, darbtejn, il-proċess kompettittiv fl-għażla għall-kumpanija li twettaq il-proġett tal-Waste-to-Energy.
Għall-bini ta’ dan l-impjant, kien intrebaħ tender pubbliku mill-kumpanija Paprec Energies International, li l-offerta tagħha hi mal-mitejn miljun ewro inqas minn dik tal-Hitachi, li hi rappreżentata minn Adrian Delia.
L-eks Kap Nazzjonalista kien ressaq l-ewwel appell u r-riżultat reġa’ ġie kkonfermat. Iżda Delia daħħal appell ieħor fejn qed jinsisti li tkun il-kumpanija Hitachi li tirbaħ it-tender.
Dawn il-manuvri qed iwaqqfu t-tkomplija tal-proġett kruċjali u rivoluzzjonarju biex pajjiżna ma jibqax jistrieħ fuq il-miżbliet u, minflok, jibda jiġġenera ammonti kbar ta’ enerġija ħadra.
L-istudji juru li meta wieħed jitfa’ l-iskart fil-miżbliet, b’mod inevitabbli, jiġu ġġenerati gassijiet li huma ta’ ħsara għall-arja ta’ pajjiżna u s-saħħa tar-residenti.
Minn ċifri, li ra ONE News, jirriżulta li, bid-dewmien li ħolqu l-manuvri ta’ Delia u l-kumpanija Hitachi, s’issa diġà ġew rilaxxati l-ekwivalenti ta’ madwar nofs miljun tunellata diossidu tal-karbonju fl-arja.
Ironikament, Adrian Delia hu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa u spiss jipprietka dwar l-emerġenza klimatika u l-bżonn ta’ miżuri konkreti biex issir qabża ambjentali.
Iżda quddiem proġett li, b’mod konkret, se jagħmel differenza pożittiva fl-ambjent ta’ pajjiżna, l-eks Kap Nazzjonalista qed jagħżel l-interessi kummerċjali fuq dawk nazzjonali.
U ta’ dan l-aġir, ma jridx jgħid kemm qed jitħallas.
“M’għandix awtorità mill-ebda klijent to disclose fees ta’ klijent hu min hu. Hu unethical ħafna li arrangement li jkollok mal-klijent tiddiskutih fil-pubbliku.”
Adrian Delia
Fl-aħħar appell li ressaq, Delia pprova jfittex punti proċedurali biex il-kumpanija, li qed jirrappreżenta, tirbaħ it-tender, minkejja li l-offerta tagħha hi mitejn miljun ewro ogħla.
F’dokument ta’ 31 paġna, l-eks Kap Nazzjonalista ma lissinx kelma waħda fuq it-teknoloġija nnifisha. Xhieda li Delia ma jista’ jsib xejn ħażin fl-offerta magħżula, iżda hu ċar li sempliċiment irid irebbaħ l-interessi kummerċjali tiegħu.