Il-kumpanija Maltapost ġiet ordnata tħallas is-somma ta’ €155,000 lill-familja tal-pustiera, li mietet wara li waqgħet minn fuq il-vettura tax-xogħol.
Elenia Briffa ta’ 19-il sena kienet tilfet ħajjitha fis-7 ta’ Mejju tal-2020, waqt il-ħin tax-xogħol, fi Triq Ħal Qormi fil-Marsa.
Fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, John u Doris Briffa, il-ġenituri tal-vittma, kienu fetħu kawża kontra l-kumpanija.
Quddiem l-Imħallef Toni Abela, ġie konkluż li, meta l-vittma waslet f’kantuniera, baqgħet dieħla fil-bankina. Mill-provi miġjuba quddiemu, l-Imħallef ikkonkluda li l-vittma kkontribwixxiet għall-aċċident.
Madankollu, qal li għalkemm il-vittma kienet għadha kemm ġabet il-liċenzja tal-karozza, il-liċenzja tal-vettura tal-Maltapost mhijiex l-istess. Il-kumpanija kienet mgħarrfa b’dan, iżda ma ttieħdet l-ebda azzjoni. L-Imħallef semma li l-vettura hi bla bibien, l-isteering bħal ta’ rota u jekk tqum minn fuq is-seat, il-brejk jieqaf waħdu.
B’dawn ir-raġunijiet, l-Imħallef ordna lill-kumpanija biex tagħti kumpens lill-familja tal-vittma.