L-istudenti, Michael Debono, Giorgio Grigolo u Luke Bjorn Scerri, flimkien mal-lettur tagħhom Mark Joseph Vella, ġew akkużati b’aċċess mhux awtorizzat tal-app Freehour.
Fil-Qorti ħareġ li, lura għall-2022, meta l-istudenti skoprew nuqqasijiet fis-software, kienu bagħtu imejl lill-fundatur Zach Ciappara biex jitolbu premju magħruf bħala ‘bug bounty’ li jingħata lil dawk il-persuni li jsolvu problemi fis-softwares.
Ciappara rrapporta lill-Pulizija bil-każ biex jinvestigaw.
Quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, l-erba’ akkużati wieġbu li mhumiex ħatja. Grigolo qed jiġi mixli li għamel bidla bla permess fl-applikazzjoni waqt li l-lettur hu meqjus bħala kompliċi.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet minn Dr Mauro Abela u Dr Daniel Vancell mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, flimkien mal-Ispetturi Markus Cachia u Warren Muscat.
Għall-akkużati qed jidhru l-Avukati Joe Giglio, Michaela Giglio, Roberto Montaldo, Michael Sciriha u Lucio Sciriha.