Wara s-suċċess li kiseb l-ispettaklu ‘Divas’ għaxar snin ilu, f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi bejn il-Ġimgħa u l-Ħadd li ġej u mill-ġdid bejn l-14 u s-16 ta’ Marzu se tittella’ t-tieni edizzjoni ta’ dan l-ispettaklu – proprju fl-40 anniversarju mill-ħolqien tal-kumpanija taż-żfin ‘YADA’ mill-artist Felix Busuttil.
Żorna l-aħħar preparamenti u rehearsals fejn tkellimna ma’ Felix Busuttil innifsu, li wkoll hu d-direttur ta’ dan l-ispettaklu, fejn tana togħma żgħira ta’ dak li wieħed jistenna f’dan l-ispettaklu.

“Divas I saret għaxar snin ilu meta għamilna t-tletin anniversarju tal-kumpanija. Għaddew 10 snin. Minn 2014 sa 2024-25. Dan hu l-erbgħin anniversarju tal-YADA. 40 sena ta’ xogħol kbir, ta’ ħidma li ma rajtux għaddej il-ħin. Għadda ż-żmien, però meta jkollok il-passjoni u l-imħabba bħal kif għandi lejn iż-żfin, jgħaddi qisu ħolma.”
Felix Busuttil, Fundatur u Direttur
Hu tkellem dwar kif dan l-ispettaklu se jara s-sehem ta’ mijiet ta’ żeffiena, kostumi kif ukoll spettakli bid-dawl u b’repertorju ta’ mużika varjata, bis-sehem ta’ kantanti stabbiliti Maltin.
Fost l-oħrajn qalilna li, minbarra għadd ta’ studenti tal-YADA, kif ukoll skejjel ta’ żeffiena li bdew mill-YADA, se jkun hemm ukoll, fost l-oħrajn, koreografija ta’ Rafaella Carra.
“Din hi ċelebrazzjoni ta’ dawk kollha li kienu parti mill-YADA, li ħadmu mal-YADA – xi 300 ruħ żeffiena. Hemm ukoll skejjel li kienu żeffiena tiegħi u li llum għandhom l-iskejjel tagħhom u 11-il kantant Malti stabbilit.”
Dan l-ispettaklu qed jittella’ taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono.