Il-Membru Parlamentari Ewropew Daniel Attard indirizza l-ITB Berlin, l-akbar avveniment globali dwar l-ivjaġġar u t-turiżmu, fejn iltaqa’ ma’ mexxejja tas-settur, investituri u stakeholders ewlenin tal-industrija.
Matul il-konferenza, Attard ħa sehem f’diskussjonijiet dwar il-futur tat-turiżmu Ewropew, b’attenzjoni partikolari fuq is-sostenibbiltà, l-innovazzjoni u l-isfidi infrastrutturali li qed taffaċċja l-industrija. Huwa sostna l-ħtieġa ta’ viżjoni strateġika aktar koerenti biex is-settur jibqa’ kompetittiv u sostenibbli.

Bħala Membru tal-Kumitat tat-Trasport u t-Turiżmu u parti mit-Tmexxija tat-Tourism Task Force tal-Parlament Ewropew, Attard enfasizza l-importanza li t-turiżmu jingħata l-prijorità fil-livell Ewropew. “Ma nistgħux nibqgħu nħarsu lejn it-turiżmu biss f’termini ta’ statistika. Hemm bżonn ta’ politika ċara li tipproteġi l-komunitajiet lokali, ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tiżgura investiment fit-trasport u l-infrastruttura.”
F’Berlin, l-Ewroparlamentari Daniel Attard akkumpanja wkoll lid-Deputat Prim Ministru Ian Borg f’laqgħat ma’ rappreżentanti tal-industrija, fejn ġew diskussi opportunitajiet ta’ investiment u l-aċċessibilità għas-swieq internazzjonali.
Attard ġedded l-impenn tiegħu li fil-livell Ewropew, ikompli jaħdem favur aktar koordinazzjoni, investiment u viżjoni fit-tul biex is-settur turistiku mhux biss jikber, imma jikber fid-direzzjoni t-tajba.