Il-President Myriam Spiteri Debono indirizzat lill-membri tal-Oxford Union dwar il-paċi fid-dawl tas-sitwazzjoni internazzjonali attwali.
Hi spjegat kif il-kunflitti tal-lum qed ikunu kkaratterizzati minn atroċitajiet kontra ċivili, inklużi nisa, tfal u anzjani, bil-għan li jitkissru pajjiżi sħaħ. Għalhekk, saħqet fuq l-importanza tad-djalogu internazzjonali biex jitrawwem ambjent ta’ armonija u paċi.

Il-President enfasizzat ukoll ir-rwol tal-individwu fl-isfera nazzjonali u internazzjonali, u rreferiet għal inizjattivi bħal Open Forum Partnership u l-Warsaw Human Dimension Conference, li jagħtu vuċi liċ-ċittadini u lis-soċjetà ċivili.
Fid-diskors tagħha, Spiteri Debono saħqet li d-drittijiet fundamentali, inkluż l-aċċess għall-ikel, mediċina u edukazzjoni, għandhom ikunu garantit għall-pajjiżi kollha. Hija qalet li l-ebda pajjiż m’għandu juża l-forza biex jibdel fruntieri oħrajn.

Matul iż-żjara tagħha fl-Oxford Union, il-President wieġbet mistoqsijiet dwar ir-rwol ta’ Malta bħala pajjiż newtrali, is-saltna tad-dritt u l-libertà tal-espressjoni. Hi ltaqgħet mat-tmexxija tal-għaqda u żaret il-bini storiku tagħha.
Din iż-żjara f’Oxford kienet l-aħħar waqfa tal-President fir-Renju Unit, u hi rritornat Malta fil-lejl ta’ bejn l-Erbgħa u l-Ħamis.