“Ma nemminx li aktar investiment fl-armi, se jwassal għall-paċi.” Dan intqal mill-Prim Ministru Robert Abela, f’kummenti qabel il-bidu ta’ summit speċjali tal-Kunsill Ewropew fi Brussell.
Dr Abela qal li l-pożizzjoni tan-newtralità ta’ pajjiżna hi unika u dan mhuwiex negozjabbli biex jinbidel, waqt li tenna li Malta se tkun minn ta’ quddiem waqt dan is-summit biex tkompli tippromwovi l-paċi kif dejjem għamlet.
“L-investiment fl-armamenti, aħna ċertament m’aħniex se nkunu parteċipi fih. Dan għax aħna preklużi milli nagħmlu dan bil-Kostituzzjoni tagħna. Però, iżjed minn hekk, ħa nitkellem għalija l-ewwel wieħed, għax ma nemminx li l-investiment fl-armi, l-investiment fit-tankijiet tal-gwerra, l-investiment f’aktar munizzjon jista’ jwassal għar-riżoluzzjoni tal-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja. Nemmen li hemm soluzzjoni waħda u soluzzjoni dejjiema, li hi dik tal-paċi.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dwar dan is-summit, li qed jiddiskuti l-Gwerra fl-Ukrajna u d-difiża Ewropea, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li d-deċiżjonijiet li se jittieħdu mill-Unjoni Ewropea se jiddeterminaw l-Ewropa tal-lum u dik tal-ġejjieni.
Il-Prim Ministru Robert Abela għamilha ċara wkoll li, fid-dikjarazzjonijiet tiegħu fl-aħħar jiem dwar l-importanza li pajjiżna jinvesti fis-sigurtà tiegħu, ifisser li Malta tinvesti fil-ġlieda kontra s-cybersecurity u mhux f’aktar investimenti fl-armi.
“Ftit ilu, tkellimt dwar l-importanza li jkollna investiment fis-sigurtà, hemm min interpretaha bħal li kieku għandna ninvestu fil-munizzjon jew f’xi tankijiet tal-gwerra, assolutament ebda minn dak kollu. Li kont qed nitkellem dwaru hu l-investiment fis-cybersecurity ta’ pajjiżna, f’li nieħdu ħsieb id-difiża adegwata tal-infrastruttura kritika ta’ pajjiżna. Insemmi, biex nagħti eżempju wieħed, l-underwater cable ma’ Sqallija, qed ninvestu fit-tieni wieħed.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Preżenti għal dan is-summit kien hemm ukoll il-President Ukren Volodymr Zelenskyy.