Waqt il-finali tat-Tazza tad-Dinja 2026 se jittella’ xow mużikali bil-lista tal-artisti tkun fdata f’idejn Coldplay. Din hija l-ewwel darba li tali spettaklu se jkun qed isir waqt il-half time.
L-edizzjoni li jmiss tat-Tazza tad-Dinja se tkun organizzata mill-Istati Uniti flimkien mal-Kanada u l-Messiku bil-finali ssir nhar id-19 ta’ Lulju 2026 fil-MetLife Stadium, New Jersey.
Filwaqt li llum il-ġurnata hija komuni li qabel partiti tal-futbol importanti bħal finali taċ-Champions League, jittellgħu xows mużikali, din il-ħaġa għada qatt ma saret waqt il-half time ta’ finali tat-Tazza tad-Dinja.
Iżda fil-kampjonat nazzjonali tal-futbol Amerikan, NFL, fejn il-perjodu tal-half time huwa dak ta’ 15-il minuta din hija xi ħaġa komuni waqt il-finali tas-Super Bowl iżda l-ħin tal-mistrieħ jiġi estiż għal 30 minuta sabiex jakkomoda xow.
Il-President tal-FIFA, Gianni Infantino, f’kitba fuq Instagram, ħabbar li l-kantant tal-grupp popolari Coldplay Chris Martin u l-meniġer tal-grupp Phil Harvey se jkunu qed jgħinu sabiex jiġu stabbiliti sett ta’ artisti biex jgħatu xow waqt il-ħmistax-il minuta tal-half time fil-finali tat-Tazza tad-Dinja tas-sena d-dieħla.
Infantino qal li dan se jkun mument storiku għat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA b’xow kif jixraq lill-akbar avveniment sportiv fid-dinja.