Ħmistax-il persuna fil-Korea t’Isfel sfaw feruti, bi tnejn minnhom jinsabu f’qagħda kritika, wara li żewġ fighter jets bi żball tefgħu tmien bombi f’distrett abitat waqt li kienu qed isegwu taħriġ militari b’munizzjon ikkargat.
Dan l-inċident, li kien jinvolvi ajruplani tal-Qawwa tal-Ajru KF-16 seħħ fil-belt ta’ Pocheon qrib il-fruntiera tal-Korea ta’ Fuq.
Il-Qawwa tal-Ajru tal-Korea t’Isfel qalet li kienet qed tinvestiga dan l-inċident filwaqt li skużat ruħha għall-ħsara li seħħet fejn żiedet tgħid li dawk li soffrew danni kienu se jiġu kkumpensati.
Il-Ministeru tad-Difiża qal li t-taħriġ tal-Ħamis kien relatat ma’ wieħed ikkordinat flimkien mal-forzi tal-Istati Uniti.