Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, ingħaqad mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-MTA, biex jippromwovu l-gżejjer Maltin waqt ITB Berlin, l-akbar fiera tal-ivvjaġġar li tiġi organizzata fid-dinja.
Il-padiljun ta’ Malta fl-ITB Berlin, li ttella’ mill-fergħa tal-promozzjoni internazzjonali tal-awtorità, VisitMalta, ospita aktar minn 30 operatur tal-industrija tat-turiżmu, fosthom lukandi, aġenti tas-servizzi għat-turisti f’Malta u oħrajn.
Din is-sena, Għawdex kien fuq nett tal-aġenda, bħala destinazzjoni turistika distinta.

Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg sostna li se jkomplu jiffokaw fuq turiżmu ta’ kwalità ogħla, bil-pożizzjoni ta’ Malta tibqa’ destinazzjoni li għandha x’toffri lit-turisti s-sena kollha.
Huwa saħaq ukoll fuq il-ħtieġa li dawk kollha involuti fl-industrija jimmiraw għal turiżmu responsabbli.
“VisitMalta, l-awtorità tagħna, li ħadmet ma’ numru ta’ stakeholders, toffrilhom l-ispazju, biex ilkoll flimkien, Gvern, awtorità, imma fuq kollox stakeholders privati, niġbdu iżjed turiżmu u turiżmu ta’ kwalità lejn pajjiżna.”
Ian Borg, Deputat Prim Ministru
Fl-istess fiera, l-MTA u l-akbar linja tal-ajru, Emirates, iffirmaw ftehim ta’ koperazzjoni favur aktar inizjattivi li jippromwovu turiżmu ta’ kwallità fostna.
Sadanittant, il-Membru Parlamentari Ewropew Daniel Attard indirizza l-istess ITB Berlin dwar il-futur tat-turiżmu Ewropew, b’attenzjoni partikolari fuq is-sostenibbiltà, l-innovazzjoni u l-isfidi infrastrutturali li qed tiffaċċja l-industrija. Hu sostna l-ħtieġa ta’ viżjoni strateġika aktar koerenti biex is-settur jibqa’ kompetittiv u sostenibbli.
Din is-sena, bl-appoġġ ta’ Heritage Malta, is-sehem tal-MTA fil-fiera ITB kien jinkludi wkoll promozzjoni tal-Malta Biennale, li se jerġa’ jsir f’Malta fl-2026, wara s-suċċess tal-ewwel edizzjoni s-sena l-oħra.
Aqra aktar: