Fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġużepp, nhar l-Erbgħa, 19 ta’ Marzu, Old Motors Club Malta se jorganizza The Dar Tal-Providenza Charity Static Show.
Għal darb’oħra, il-membri tal-Old Motors Club se jinġabru fil-parkeġġ tad-Dar Tal-Providenza fis-Siġġiewi biex juru l-Karozzi Vintage u Klassiċi tagħhom. L-għan hu li jinkisru r-rekords, li jinġabru l-akbar numru ta’ karozzi, jattiraw l-akbar folla, u l-aktar importanti, jinġabar l-akbar ammont ta’ fondi li qatt inġabar. Dawn il-fondi jiġu ppreżentati lil Dun Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar Tal-Providenza, fi tmiem ta l-attivita’.
Old Motors Club ipprepara għadd ta’ sorpriżi għal The Dar Tal-Providenza Charity Static Show ta’ din is-sena. Apparti il-wirja ta’ karozzi vintage u klassiċi se jkun hemm karozzi tal-linja vintage li tista’ tmur dawra bihom, car boot sale, u irkant ta’ karozza għal-karità.
Il-membru tal-Old Motors Club Reniel Pisani, qal li gġal donazzjoni lill-istess Dar Tal-Providenza, se jkun qed jieħu lil dawk kollha interessati għal dawra fuq xarabank tat-tip Bedford OB Bus tan-1940s. Il-membru tal-Old Motors Club John Magri se jkun qed jieħu ħsieb żona riservata għal dawk interessati li jieħdu sehem fil-car boot sale.
Għal min hu interessat fil- Car Boot Sale għandu jikkuntattja lil John Magri fuq 99880376. In-Novità għal din is-sena hija l-irkant ta’ karozza klassika. Membru veteran tal-Old Motors Club qed jagħti b’donazzjoni MG Midget tiegħu biex tiġi rkantat biex jinkisbu fondi għad-Dar Tal-Providenza. Għal aktar dettalji, ikkuntattja lil Aldo Pace, il-koordinatur tal-avvenimenti ta’ Old Motors Club, fuq 79047473.



