Sa minn meta telgħet il-polza tal-kwarti tal-finali tal-Meridianbet FA Trophy, bejn ir-rivali eterni Birkirkara u Valletta, l-aspettattiva ghal din il-partita bdiet tinbena bilmod il-mod u din laħqet il-kulminu tagħha meta f’partita mill-isbaħ u quddiem attendenza sabiħa ta’ ‘l fuq minn elfejn ruħ, Birkirkara dawru telfa f’rebħa ta’ 3-1 wara l-ħin barrani, bil-Beltin jilagħbu l-aħħar 20 minuta tal-partita bi player inqas.
Kienu Birkirkara li ħolqu l-ewwel periklu wara kwarta logħob meta Alex Da Paxiao Alves xeħet cross li sab lil Maxuell Maia li kellu l-konklużjoni tiegħu salvata mingħajr diffikultá mill-goalkeeper tal-Beltin, Timmy Aquilina.
Valletta wieġbu żewġ minuti biss wara meta xutt mid-distanza ta’ Jake Azzopardi intemm għoli.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fit-28 minuta Sheldon Mackay xeħet cross fid-direzzjoni ta’ Andrei Ciolacu li ttanta xortih permezz ta’ rovexxjata mill-viċin li iżda ntemmet ftit barra.
Kulma jmur kompla d-dominju assolut Belti u fit-32 minuta kellhom ferħa bla temma meta Ciolacu minn taħt il-lasta tefa’ ġewwa, iżda r-referee Trustin Farrugia Cann kien pront u ħassar dan il-goal minħabba offside.
Valletta reġgħu ħolqu l-periklu fil-45 minuta permezz ta’ freekick ċentrali u inisdjuż tal-captain Brandon Paiber li ġie salvat mill-goalkeeper tal-Istripes, Matthew Grech.
Il-Lilywhites tilfu ċans tad-deheb li jiftħu l-iskor fit-63 minuta meta Jefferson kellu l-konklużjoni tiegħu minn taħt il-lasta tintemm ftit barra, bl-Istripes jeħisuha ħafif.
Iżda l-istess player JEFFERSON patta bis-sħiħ għall-iżball li wettaq ħames minuti qabel meta meta fit-68 minuta tefa’ lill-Beltin fil-vantaġġ, meta huwa kkontrolla tajjeb qabel kellu x-xutt tiegħu devjat għal ġewwa minn Tomislav Papazov.
Birkirkara ma rmewx ix-xugaman anzi wettqu reazzjoni tajba u fil-75 minuta ġabu l-iskor indaqs meta Ignacio Manuel Morello xeħet cross li sab lil LEANDRO LAUTARO LACUNZA li żmarjat tefa’ l-ballun fix-xibka.
Valletta wieġebu fil-81 minuta permezz ta’ freekick sabiħ ta’ Paiber li iżda sab lil Grech attent li dawwar f’corner b’diffikultá.
L-Istripes reġgħu ħolqu l-periklu żewġ minuti biss wara meta cross ta’ Morello sab lis-sostitut Gislain Yikpe li kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin tintemm ftit għoli.
L-iskor sa tmiem id-90 minuta baqa’ ma nbidilx u b’hekk il-partita kellha tmur għall-ħin barrani.
Birkirkara qalbu l-iskor favurihom fis-96 minuta permezz ta’ xutt mid-distanza l-ġmiel tiegħu tal-captain ALESSANDRO COPPOLA li ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper ta’ Valletta, Timmy Aqulina, bil-ballun jintemm fir-rokna tas-saqaf tax-xibka.
U biex l-affarijiet ikomplu ġejjin ħażin għall-Beltin, fil-100 minuta huma spiċċaw jilagħbu bi player inqas wara li tkeċċa għalihom l-Arġentin Enzo Ruiz wara li rċieva żewġ karti sofor fil-partita.
Kulma jmur Birkirkara bdew japprofittaw mill-fatt li bdew jilagħbu bi player aktar u fil-114-il minuta ssiġillaw ir-rebħa permezz tat-tielet goal meta PAUL MBONG approfitta minn żball fid-difiża ta’ Valletta, qabeż tajjeb lil Aquilina u tefa’ l-ballun f’lasta vojta u lill-partitarjui numerużi tal-Istripes f’delirju ta’ ferħ.
Huma komplew jamministraw il-vantaġġ doppju li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Trustin Farrugia Cann