Il-Karnival ta’ Malta 2025, organizzat minn Festivals Malta, laqa’ eluf ta’ nies minn madwar il-Gżejjer Maltin u lil hinn bejn it-28 ta’ Frar u l-4 ta’ Marzu 2025, fejn ġie offrut spettaklu mill-aqwa.
Din is-sena l-Karnival ta’ Malta ra żieda fil-kwalità tax-xogħol ippreżentat, mhux biss fil-movimenti u x-xebh fil-kartapesta, imma wkoll fiż-żfin u l-kostumi. Il-Karnival żgur ma jistax iseħħ mingħajr id-dedikazzjoni u l-ħin tal-parteċipanti li matul is-sena kollha jaħdmu biex il-Karnival Malti jibqa’ ħaj u brijjuż.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali u l-Arti Owen Bonnici rringrazzja lill-artisti, lill-voluntiera u lil kull min ħadem biex il-Karnival tal-2025 ikun suċċess. Huwa faħħar il-mod kif din is-sena l-Karnival kompla jikber kemm mil-lat ta’ kwalità imma anke ġie organizzat f’numru ta’ lokalitajiet, bi 42 kunsill lokali jibbenefikaw minn fond speċjali mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali.
Iċ-Chairperson ta’ Festivals Malta Aaron Zahra qal li eluf kbar ta’ nies ħonqu t-toroq tal-Belt Valletta u f’kull lokalità li din is-sena kien iċċelebrat il-Karnival. Huwa sostna li jħares ‘il quddiem b’ottimiżmu biex jibda x-xogħol fuq iċ-Ċentru tal-Arti u l-Kultura fil-Marsa, li se jgawdu minnhom fost oħrajn l-artisti tal-Karnival.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Frans Agius, irringrazzja lil kull min ta sehmu sabiex jittella’ l-Karnival b’suċċess, kif ukoll lil dawk li attendew għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Artistiku tal-Karnival Jason Busuttil qal li rajna Karnival tal-aqwa livell, kemm karrijiet mill-isbaħ kif ukoll żfin u kostumi mill-aqwa. Intqal li dan jawgura tajjeb għax bla dubju ta’ xejn iż-żgħażagħ parteċipanti ħa jkunu l-futur tal-Karnival Malti tal-aqwa livell.
Il-Karnival ta’ Malta 2026 se jittella’ bejn it-13 u s-17 ta’ Frar 2026.


