Wara s-suċċess tal-ewwel workshop li sar f’Settembru tas-sena li għaddiet, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet, b’kollaborazzjoni ma’ Transport Malta, illum ospita t-tieni workshop li se jwassal għall-ħolqien konġunt tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Ħiliet.
Dan l-avveniment ġab flimkien rappreżentanti tal-Gvern, imsieħba fil-qasam tal-industrija u partijiet interessati ewlenin biex flimkien jirfinaw l-oqsma ta’ azzjoni li se jiffurmaw l-ewwel Strateġija Nazzjonali tal-Ħiliet ta’ Malta.
Il-workshop kellu l-għan li jkompli jiżviluppa u jivvalida l-abbozz tal-oqsma ta’ azzjoni għall-immodernizzar tal-ħiliet, filwaqt li jippreżenta l-aħjar prattiki internazzjonali rilevanti għall-ħtiġijiet tal-forza tax-xogħol f’Malta, filwaqt li jfittex soluzzjonijiet għal lakuni fil-ħiliet, b’mod speċifiku fis-settur marittimu.
L-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) kellha rwol kruċjali billi pprovdiet għarfien espert u gwida, biex jiġi żgurat li d-diskussjonijiet ikunu allinjati mal-aħjar prattiki globali u oqfsa ta’ politika effettivi. Il-kontribut tagħhom qed jgħin biex l-istrateġija tkun ibbażata fuq metodoloġiji ppruvati u fuq punti ta’ riferiment internazzjonali.
Il-workshop iffoka fuq tmien oqsma ta’ prijorità li huma fundamentali għall-evolviment tal-ħiliet f’Malta: it-tiswir ta’ intelliġenza dwar il-ħiliet u t-titjib tal-gwida għall-karrieri, it-tħejjija taż-żgħażagħ għall-impjiegi tal-futur, l-espansjoni tat-tagħlim tul il-ħajja, aktar inċentivar tat-tagħlim tal-adulti, it-tisħiħ tat-taħriġ immexxi minn dawk li jimpjegaw, l-użu ta’ talent lokali u barrani, u t-titjib fil-governanza. Il-parteċipanti tal-workshop ħadu sehem f’diskussjonijiet dwar l-aħjar prattiki internazzjonali u f’sessjonijiet ta’ grupp li kienu ffukati fuq dawn is-suġġetti kif ukoll fuq is-settur marittimu.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima waqt id-diskors tiegħu qal, “Aħna ninsabu impenjati li ntejbu s-sinerġija bejn is-settur edukattiv u l-industrija, bi sħab mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet, ħidma li twassal għall-iżvilupp professjonali. Filwaqt li l-kompetittività ekonomika hija kruċjali, is-settur edukattiv iservi għal skop usa’. Il-politiki tagħna jridu jrawmu l-ħiliet transversali li jiddefinixxu l-futur ta’ Malta”.
Iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet, Jeffrey Pullicino Orlando, enfasizza l-importanza tal-kollaborazzjoni biex jiġu indirizzati l-lakuni fil-ħiliet ta’ Malta u biex tiġi żgurata forza tax-xogħol ippreparata għall-futur. “Dan mhuwiex biss workshop ta’ konsultazzjoni; qed naħdmu flimkien fuq viżjoni komprensiva għall-ekosistema tal-ħiliet ta’ Malta”, enfasizza Dr Pullicino Orlando.