“Aħna nħossu li din id-deċiżjoni hija diskriminazzjoni kontra l-lingwa Maltija.” Din kienet ir-reazzjoni li għadda ma’ ONE News il-Kap Eżekuttiv tal-Public Broadcasting Services, il-PBS, Keith Chetcuti, ftit sigħat wara li l-organizzatriċi tal-Eurovision, il-European Broadcasting Union, l-EBU, iċċensurat il-kanzunetta Maltija ‘Kant’ ta’ Miriana Conte mill-festival ta’ din is-sena, li se jkun qed jittella’ f’Mejju li ġej, f’Basel, l-Iżvizzera.
Chetcuti spjega li t-Tlieta filgħaxija ġew notifikati li l-kelma “kant”, li hi kelma Maltija, ma tistax tintuża fil-festival famuż.
“Ittieħdet deċiżjoni li fuq l-ilment li ressqu l-BBC fuq il-kelma ‘kant’, ma tistax tintuża għax fonetikament għandha sinifikat ieħor fl-Ingliż. Jiġifieri aħna nħossu, bħalissa, li qed tiġi ċċensurata kelma Maltija li allura nħossuha parti diskriminatorja.”
Keith Chetcuti, Kap Eżekuttiv, PBS
B’reazzjoni għad-deċiżjoni tal-EBU, il-kantanta Miriana Conte wkoll esprimiet id-diżappunt tagħha fuq il-midja soċjali u tenniet li ħadet din l-aħbar proprju waqt il-ġbid tal-vidjow mużikali.
Miriana assigurat lis-segwaċi li se tkompli tiffoka fuq l-esperjenza tagħha fil-Eurovision u se tirrappreżenta lil Malta bl-aqwa mod possibbli.
Fil-fatt il-Kap Eżekuttiv tal-PBS tenna li l-preparamenti u t-teħid tal-filmati għadhom għaddejjin.
Qal li bħalissa qed iressqu l-appelli tagħhom skont ir-regolamenti tal-istess EBU biex id-diska tibqa’ dik li n-nies ħabbu u effettivament rebbħu fil-konkors f’Malta.
“Qed nitkellmu mat-tim artistiku u mal-artista nnifisha u anke mal-kittieb tal-kanzunetta. Naraw x’nistgħu noħorġu bħala soluzzjonijiet biex inħallu il-kanzunetta kemm jista’ jkun fl-istat li kulħadd draha u semagħha u li biha hi rebħet il-festival ta’ Malta. Minbarra dawn għaddejjin b’diskussjonijiet mal-EBU fejn qed inressqu l-każi tagħna u naraw minn hemmhekk x’deċiżjoni finali tkun ittieħdet.”
Keith Chetcuti, Kap Eżekuttiv, PBS