Id-Deputat u Kelliem Nazzjonalista għal Għawdex, Alex Borg, magħruf sew li hu mill-fazzjoni ta’ Adrian Delia u qed jimmanuvra biex jilħaq Kap, iddistakka ruħu mill-opinjoni tal-kunjatu ta’ Delia b’attakk fuq Bernard Grech.
Emmanuel J. Galea, missier is-sieħba ta’ Delia, kiteb fl-aħħar jiem fil-Malta Independent fejn reġa’ attakka pubblikament lil Bernard Grech, bħala wieħed li m’għandux viżjoni u li mhuwiex mexxej li jista’ jispira.
B’kumbinazzjoni kbira, Alex Borg kiteb fuq il-Lovin’ Malta dakinhar stess b’artiklu kważi kopja perfetta ta’ dak ta’ Emmanuel Galea.
Bla ma semma lil Grech dirett, kif għamel Emmanuel J. Galea, Borg qal li Għawdex m’għandux bżonn wegħdi vojta. Galea kien għadu kemm qal li Bernard Grech m’għandux viżjoni għal Għawdex.
Kitba li wkoll sabet l-appoġġ u l-approvazzjoni tas-sieħba ta’ Adrian Delia.
Iżda issa, meta ONE News staqsa lil Borg dwar din il-materja, hu ħareġ malajr jgħid li ma kellu xejn x’jaqsam mal-opinjoni tal-kunjatu ta’ sieħbu, Adrian Delia, u ddiżassoċja ruħu minnu.
ĠURNALISTA: “Tiddiżassoċja ruħek mill-artiklu li kiteb il-kunjatu ta’ Delia fuq il-Malta Independent b’attakk fuq Bernard Grech? Ma nafx rajtux dan l-artiklu.”
ALEX BORG: “Ma kellix x’naqsam miegħu jiena. Nista’ nassigurak. Nista’ nikkonfermalek li ma kellix x’naqsam miegħu.”
Waqt li d-Deputat Għawdxi kien jaf sew bl-artiklu tal-kunjatu ta’ Delia, il-Kap Bernard Grech fl-aħħar jiem qal li lanqas biss jaf min hu Galea.
ĠURNALISTA: “Inti tħoss li kien ġust miegħek Emmanuel Galea fuq li qal dwarek fuq il-Malta Independent?”
BERNARD GRECH: “Emmanuel Galea min hu?”
ĠURNALISTA: “Missier il-partner ta’ Adrian Delia. Hu qal li inti mhux mexxej li tispira. Fuq il-Malta Independent f’artiklu l-Ħadd.”
BERNARD GRECH: “Ma qrajthiex ta.”