Ftit tal-ħin ilu tħabbret il-mewt tal-ġurnalista sportiv Taljan Bruno Pizzul magħruf għall-vuċi ikonika tiegħu waqt il-partiti tal-futbol tat-tim Nazzjonali Taljan.
Huwa miet fl-isptar Gorizia ftit jiem biss qabel jagħlaq 87 sena.
Imwieled f’Udine nhar it-8 ta’ Marzu 1938, Pizzul daħal jaħdem mal-istazzjoni nazzjonali Taljan Rai fl-1969 u s-sena ta’ wara nhar it-8 t’April 1970 ikkummenta l-ewwel partita tiegħu mill-Coppa Italia bejn it-timijiet ta’ Juventus u Bologna. Dakinhar beda l-kummentarju mis-16-il minuta għax kien wasal tard fil-grawnd ta’ Como.
Kien mit-Tazza tad-Dinja tal-1986 li sar il-vuċi tal-partiti tat-tim nazzjonali Taljan fejn ikkumenta partiti tal-Azzurri f’ħames edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja u erba’ Kampjonati Ewropej. Huwa rtira uffiċjalment minn kummentatur tat-tim Nazzjonali Taljan fil-21 t’Awwissu 2002 bil-partita li l-Italja rebħet wieħed b’xejn kontra s-Slovenja.
Huwa kien ukoll il-kummentatur għat-televiżjoni waqt il-finali taċ-Champions Cup nhar id-29 ta’ Mejju 1985 meta saret id-diżgrazzja ta’ Heysel fejn kien iddikjara li kien kummentarju li qatt ma xtaq jagħmel mhux għad-diffikultà ġurnalistika iżda għax kellu jirrapporta affarijiet li mhumiex aċċettabbli fuq livell uman.
Barra kummentarju tal-partiti, huwa wkoll ippreżenta l-programmi popolari Domenica Sprint u Domenica Sportiva.