Athletics Malta organizzat il-Kampjonati tax-Xitwa taż-Żgħażagħ b’aktar minn 140 atleta minn aktar minn 12-il klabb jew skola lokali jieħdu sehem fid-dixxiplini differenti li joffri dan l-isport. Minkejja riħ li tellef mhux ftit dan l-avveniment, dawn it-tfal u żgħażagħ kisbu prestazzjonijiet mill-aktar pożittivi.
Fost l-aktar prestazzjonijiet memorabbli, Asia Psaila ta’ Rush AC u Jamie Borg ta’ St Michael Foundation eċċellaw meta rebħu erba’ midalji tad-deheb fil-kategoriji rispettivi tagħhom.
Psaila, li kienet qed tikkompeti fil-kategorija Under 12, impressjonat lill-pubbliku preżenti b’qabża impressjonanti ta’ 4.41m fil-long jump, riżultat formidabbli għall-età tagħha. Hija rebħet ukoll is-60m sprint b’ħin ta’ 9.49s u t-300m f’49.59s, b’turija ta’ versatilità u talent. Barra minn hekk, hija għaqqdet il-kollezzjoni tad-deheb meta kienet parti mit-tim tar-relay mħallta (bniet u subien) ta’ Rush AC li rebaħ id-deheb fuq distanza ta’ 4x200m.
Fil-kategorija Under 14, Jamie Borg ta’ St Michael Foundation ukoll kiseb erba’ midalji tad-deheb, fl-istess kategoriji, b’rebħiet rispettivament ta’ 4.84m fil-long jump, is-60m sprint f’8.21s, u t-300m f’43.39s. Borg żied ir-raba’ deheb tiegħu meta rebaħ il-mixed relay ma’ Pembroke Athleta.
Fost is-subien ta’ taħt it-12-il sena, Kaine Micallef ta’ Pembroke AC kien il-protagonist assolut b’rebħa fis-60m b’ħin ta’ 8.93s, fis-600m b’1:59.65, u l-long jump b’qabża ta’ 4.28m. Huwa kiseb ukoll midalja tal-fidda mat-tim tiegħu fir-relay.
Jake Caruana ta’ Rush AC ukoll ħa miegħu erba’ midalji, tlieta tad-deheb, b’rebħiet fil-50m hurdles (8.99s) u l-ball throw b’tefgħa impressjonanti ta’ 47.73m. Caruana kkontribwixxa wkoll għas-suċċess tat-tiem tiegħu fil-mixed relay, filwaqt li temm it-tellieqa tiegħu tas-60m fit-tieni post.
Leah Frendo, atleta oħra emerġenti ta’ Rush AC, kompliet tikkonferma l-forma attwali tagħha bi tliet rebħiet fil-kategorija Under 14, preċiżament fis-60m (8.40s) u 300m (44.34s), kif ukoll fil-long jump (5.08m). Minkejja li l-qabża tagħha kienet megħjuna minn riħ irregolari, il-prestazzjonijiet tagħha juru konsistenza u titjib kontinwu. Ta’ min isemmi, fl-istess avveniment, qabża tajba għal Amy Barberi ta’ 4.98m b’riħ legali, li wassalha fit-
tieni post. Iż-żewġ atleti kienu flimkien fit-tim tar-relay ta’ Rush AC li spiċċa fit-tieni post wara Pembroke.
Finalment, prestazzjoni b’saħħitha għal Karina Mia Peresso, ta’ Pembroke AC, li rebħet fuq distanza ta’ 1000m fi 3:18.39 u kisbet il-fidda kemm fid-discus (18.10m) kif ukoll fit-tellieqa tat-300m (47.84s). Fl-aħħarnett, hija kienet parti mit-tim tagħha li rebaħ id-deheb fir-relay, biex b’hekk ingħaqdet ma’ grupp żgħir ta’ atleti li temmew dawn il-Kampjonati tax-Xitwa b’erba’ midalji ma’ għonqhom.