Madwar 40% tal-ispejjeż li l-Qorti Maltija ħallset lill-esperti fl-inkjesta tal-isptarijiet, li saret mill-Maġistrat Gabriella Vella, mhumiex koperti b’irċevuti, jista’ jiżvela ONE News.
Dan hekk kif ġie stabbilit li l-Qorti m’għamlitx għad-dispożizzjoni l-invoices kollha mibgħuta mill-kumpanija Harbinson Forensics Limited tal-espert ewlieni, l-Irlandiż Jeremy Harbinson. Mat-30% tal-irċevuti għadhom neqsin.
Meħud kont li Harbinson tħallas iżjed minn €11-il miljun għas-servizzi tiegħu, kif approvat mill-Maġistrat, allura dan ifisser li iżjed minn €4 miljun mhumiex koperti b’irċevuti sal-lum.
Fl-aħħar jiem ukoll sirna nafu kif Harbinson lanqas biss kellu xi tip ta’ ftehim kuntrattwali, iżda kien hu li ġie fdat mill-Maġistrat biex jikkordina l-ħidma kollha tat-23 espert ingaġġati, inkluż hu.
Kif żvelat ukoll fl-aħħar jiem minn ONE News, jirriżulta li mill-irċevuti ppreżentati wkoll hemm uħud li jsemmu l-istess ġranet ta’ xogħol separatament, li jfisser li tħallsu darbtejn, f’abbuż ċar mill-kumpanija ta’ Harbinson.
Minn dawn s’issa hu żgur li hemm mill-inqas sitt ijiem li għalihom intbagħat kont doppju lill-Qorti ta’ bejn 220 u 370 siegħa xogħol jew spiża żejda ta’ bejn €60,000 u €100,000 bil-VAT b’kollox.
Minkejja dan, ma nstabet l-ebda diffikultà li dawn jitħallsu xorta waħda.
Fl-affidavit tiegħu tal-10 ta’ Frar li għadda, l-espert ewlieni Harbinson jaħlef li l-kumpanija tiegħu tat rendikont tax-xogħol u s-sigħat kollha li kienu saru tul l-inkjesta li damet mal-ħames snin u ġiet ippreżentata lejliet l-elezzjonijiet is-sena li għaddiet.
Minkejja dan, jirriżulta li, anke jekk suppost kien qed isir skrutinju mill-maġistrat inkwirenti u l-Aġenzija tal-Qorti, għadha ma saret l-ebda kjarifika s’issa dwar irċevuti neqsin u ħlasijiet doppji.
Awditjar serju biss jista’ jistabbilixxi kemm kienet kbira l-problema u kif ma nqabditx minnufih.