Trakk baqa’ dieħel f’xarabank fin-Nofsinhar tal-Bolivja b’mill-anqas 31 persuna jinqatlu. Dan l-inċident fatali jsegwi ieħor li seħħ jumejn biss qabel u li ħalla 37 persuna mejta.
Uffiċjali tal-pulizija qalu li x-xarabank tgerbet madwar 500 metru mal-ġenb tal-muntanja bil-ħabta sseħħ fi triq prinċipali bejn Oruro u Potosi.
Is-sewwieq tat-trakk kien arrestat filwaqt li għaddejjin investigazzjonijiet dwar il-kawża tal-ħabta.
Kelliem għall-pulizija qal li fost il-mejta hemm kemm irġiel kif ukoll nisa filwaqt li 22 oħra sofrew diversi ġrieħi.
Is-Sibt filgħodu 37 persuna nqatlu wara ħabta bejn żewġ xarabanks fl-istess reġjun.
Il-President tal-Bolivja, Luis Arce, esprima l-kondoljanzi tiegħu lill-familjari tal-vittmi b’kitba fuq il-mezzi soċjali fejn qal ukoll li trid issir investigazzjoni sabiex jaraw min kien responsabbli għall-inċident.