Raġel Ġermaniż ta’ 40 sena kien arrestat b’rabta mal-attakk b’karozza li lbieraħ seħħ f’Mannheim il-Ġermanja li ħalla mill-anqas żewġ persuni mejta u ħdax oħra feruti.
Waqt konferenza stampa t-Tnejn filgħaxija, investigaturi qalu li kien hemm indikazzjonijiet li s-suspettat kien qed isofri minn mard mentali. Skont il-Prosekuratur Pubbliku Romeo Schüssler huwa qed jiġi mixli bi qtil u attentat ta’ qtil.
Ir-raġel diġa kien xellef difru mal-pulizija fejn kellu arresti preċedenti ta’ sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol filwaqt li fl-2018 kien instab ħati ta’ hate speech wara li kien ikkummenta fuq ritratt fuq facebook f’dak li kien intqal kienet azzjoni politikament motivata.
Is-suspettat ittieħed l-isptar wara li spara lilu nnifsu f’ħalqu b’pistola mingħajr ammunizzjon. Wara li rċieva t-trattament neċessarju jinsab f’qagħda stabbli.
Iż-żewġ vittmi ġew identifikati bħala mara ta’ 83 sena u raġel ta’ 54 sena. L-inċident seħħ waqt li kien hemm suq tal-karnival hekk kif fl-akwati hemm ħafna ċelebrazzjonijiet relatati ma’ dan iż-żmien.
Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-lum f’Heidelberg, Schwetzingen u Brühl li kellhom isiru ġew ikkanċellati.
Ħmistax ilu omm u t-tifel tagħha kienu nqatlu f’inċident simili fi Munich filwaqt li f’Diċembru li għadda sitta min-nies inqatlu u aktar minn mitejn kienu feruti meta karozza saqet fuqhom waqt suq tal-Milied f’Magdeburg.