Il-Prim Ministru Robert Abela żar lil dawk li llum ħadu l-okkażjoni u niżlu għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Karnival ta’ Malta.
Minbarra t-tfal u l-anzjani, li kienu qed jaraw il-karrijiet fuq il-Fosos tal-Furjana, il-Prim Ministru ltaqa’ wkoll mad-dilettanti li jarmaw fil-Karnival li, b’sengħa u sagrifiċċji kbar, jaħdmu s-sena kollha fuq dawn l-opri artistiċi.
Fuq il-mezzi soċjali, il-Prim Ministru irringrazzja lil dawk kollha li jagħtu s-saħħa u l-enerġija tagħhom, biex iferrħu lill-Maltin u lill-Għawdxin waqt il-Karnival.
Bħalissa fil-Belt Valletta hemm festa ta’ kuluri, kostumi, karrijiet u żfin, hekk kif il-Karnival, organizzat minn Festivals Malta, jinsab fl-aqwa tiegħu.
Il-Karnival 2025 jiġi uffiċjalment fi tmiemu għada t-Tlieta bil-grand defile fi Triq Sant Anna, il-Furjana, filgħaxija.