Fis-sajf li ġej, is-sit ta’ patrimonju dinji tal-UNESCO, il-Ġnien Botaniku Rjali ta’ Kew Gardens f’Londra se jniedi proġett bl-isem ta’ ‘Carbon Garden’, li qed jiġi fdat f’idejn il-Perit Malti Jonathan Mizzi.
Dan hu wieħed minn bosta proġetti ambizzjużi li saru f’parks ewlenin tal-kapitali Ingliża u fihom kienu involuti periti Maltin.

Fuq dan il-proġett, il-Perit Malti ddisinja l-parti ċentrali tal-ġnien fejn qed jinħoloq padiljun bl-iskop li jenfasizza r-rwol tan-natura quddiem l-isfida tat-tibdil fil-klima.
Il-proġett ta’ ‘Carbon Garden’ hu mibni b’materjal sostenibbli, b’investiment ta’ aktar minn miljun ewro.
Dan il-ġnien mistenni jiġbed lejh bosta persuni, inkluż turisti, biex jitgħallmu iżjed informazzjoni dwar in-natura u l-kriżi klimatika.
Il-Perit Mizzi saħaq li hu ta’ unur għalih, li ntagħżel biex ikun involut fil-proġett.
