Il-ġurati fil-każ ta’ Joseph Grech u ibnu Kurt, li jinsabu mixlija bil-qtil taż-żagħżugħ Brandon Pace, magħruf bħala l-“Galalli”, daħlu jiddeliberaw it-Tnejn filgħodu biex jaslu għall-verdett.
Pace nqatel b’ħames daqqiet ta’ sikkina fit-2 ta’ April tal-2017 fi Triq Giovanni Barbara fil-Ħamrun, wara li nqala’ argument jaħraq bejn Kurt Grech u l-eks tfajla tiegħu, Jessica Bilocca, dwar binhom li dak iż-żmien kellu sitt snin.
Wara li, fil-jiem li għaddew, id-Difiża u l-Prosekuzzjoni fil-ġuri bdew jagħmlu r-replika u l-kontro-replika rispettivi fil-każ, l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera kompliet dalgħodu bl-indirizz tagħha lill-ġurati.
L-Avukati Roberto Montalto, Edward Gatt u Kathleen Grima qed jidhru għall-akkużati, waqt li l-Avukati Ishmael Psaila u Rachel Tua qed jidhru bħala parte civile.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Kevin Valletta u Kaylie Bonett mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, waqt li l-investigazzjonijiet tmexxew mill-Assistent Kummissarju Keith Arnaud u l-Ispettur Elliott Magro.