St John Ambulance and Rescue qed tespandi l-Programm tal-Kadetti tagħha bil-ftuħ ta’ sezzjoni ġdida f’Madliena, li se toffri opportunità lil żgħażagħ ta’ 11-il sena ’l fuq biex jitgħallmu ħiliet essenzjali ta’ salvataġġ u jieħdu sehem f’attivitajiet f’ambjent sigur u ta’ appoġġ. Is-sessjonijiet se jsiru kull nhar ta’ Tlieta bejn il-5:30 p.m. u s-6:30 p.m. f’Fort Madalena.
Il-programm jinkludi taħriġ fl-ewwel għajnuna, attivitajiet edukattivi u esperjenzi avventurużi bħal camping u live-ins. Dan jgħin liż-żgħażagħ jiżviluppaw il-kunfidenza, it-tmexxija u x-xogħol f’tim – kwalitajiet essenzjali għall-futur tagħhom.
L-attivitajiet jiġu mmexxija minn voluntiera kwalifikati li joħolqu ambjent ta’ tagħlim pożittiv u inklussiv. Il-programm joffri opportunità unika liż-żgħażagħ biex jikbru u jikkontribwixxu b’mod pożittiv fis-soċjetà.
Il-grupp il-ġdid f’Madliena huwa miftuħ għal dawk bejn il-11 u s-17-il sena. Għal aktar informazzjoni jew biex tirreġistra, ikkuntattja youth@stjohnmalta.org jew segwi St John Ambulance and Rescue Malta – Youth fuq Facebook.
